F’dik il-wegħda hu ċeda għall-pressjoni minn tal-monti biex kemm-il darba fil-Gvern ikun hemm il-Partit Laburista, il-monti jibda jintrama fi Triq l-Ordinanza. Biex żgur jimpressjona lil tal-monti dwar il-kelma li kienu ngħataw, kienet iffirmata pjanta/dokument li turi li tal-monti jibdew jarmaw fi Triq l-Ordinanza fil-Belt Valletta.
Laqgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista
Il-Mument żvelat kif rappreżentanti tal-bejjiegħa tal-monti ftit jiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali rċevew telefonata, preċiżament nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Marzu 2013 fis-2.30 p.m., biex l-għada jattendu għal-laqgħa fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Ħamrun.
F’din il-laqgħa huma kienu aċċertati minn uffiċjali għolja tal-Partit Laburista li kemm-il darba l-Partit Laburista jkun fil-Gvern, il-monti fost il-ġimgħa fil-Belt Valletta jibda jintrama fi Triq l-Ordinanza u hekk tinqata’ x-xewqa tal-istess bejjiegħa.
Biex il-bejjiegħa tal-monti jkollhom rashom mistrieħa mija fil-mija minn din il-wegħda Laburista, kien maqbul li tkun iffirmata wkoll pjanta/dokument li turi kif kien imwiegħed li jibda jintrama l-monti fi Triq l-Ordinanza.
Jintrabat B’dokument iffirmat
Din il-pjanta/dokument kienet iffirmata minn Stefan Zrinzo Azzopardi li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, u Joseph Zrinzo, missier l-istess Stefan Zrinzo Azzopardi li ffirma f’isem ir-rappreżentanti tal-bejjiegħa tal-monti.
Din il-pjanta/dokument, mifruxa fuq erba’ paġni, kienet iffirmata wkoll minn ħames rappreżentanti tal-bejjiegħa tal-monti kollha f’Malta.
Interessanti l-fatt li teżisti kopja waħda biss ta’ din il-pjanta/dokument iffirmata u din tinsab għand il-Partit Laburista. Bejjiegħa tal-monti li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument qalu li huma jinsabu urtati ħafna li m’għandhomx kopja ta’ dan il-ftehim u meta staqsew biex jaraw il-pjanta/dokument iffirmata, ingħadilhom li teżisti waħda biss u li din tinsab għand il-Partit Laburista.
Lejn Triq l-Ordinanza
Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju fejn jidher ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat hu priġunier ta’ dak li għamel lejliet l-Elezzjoni Ġenerali, fil-jiem li għaddew Jonathan Attard, l-Uffiċjal tal-Komunikazzoni fil-Ministeru mmexxi minn Chris Cardona, f’laqgħa ma’ rappreżentanti tal-monti assigurahom li huma se jkunu trasferiti għal Triq l-Ordinanza fil-Belt Valletta kif kien miftiehem qabel l-elezzjoni ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2013.
Oppożizzjoni għad-deċiżjoni tal-Gvern
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 permezz taċ-Chairman Jason Micallef kellha kritika ħarxa ħafna. Hu tenna li f’kontroversja li qatt ma kellha tinħoloq dwar iċ-ċaqlieq tal-monti, il-Gvern għandu jisma’ minn dak li qed tgħid il-Fondazzjoni, dak li qed jgħidu l-artisti u dak li qed jgħid il-poplu Malti biex il-Gvern ma jpoġġix il-monti ħdejn il-Parlament.
Hu qal li l-Fondazzjoni temmen li l-monti m’għandux imur fl-idjeq parti tat-triq bejn it-Teatru Rjal, il-Parlament il-ġdid u l-Kavallier San Ġakbu. “Jekk il-monti jintrama tul Triq l-Ordinanza kollha se jkun sar sfreġju fuq il-Belt Valletta. Nappellaw għas-sens komun u l-monti ma jibqax tiela’ fil-parti bejn il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta permezz tas-Sindku Alexei Dingli kkritika din id-deċiżjoni tal-Gvern li l-monti jibda jintrama bejn il-Parlament u t-Teatru Rjal u qal li l-Gvern naqas ukoll milli jikkonsulta mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Din l-Art Ħelwa permezz ta’ Simone Mizzi, il-President tal-għaqda wkoll kellha reazzjoni negattiva. Hi fissret numru ta’ raġunijiet mill-aktar validi biex din id-deċiżjoni titreġġa lura u l-Monti ma jintramax f’din it-triq.
Il-Kumitat ta’ Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta permezz taċ-Chairman Kenneth Zammit Tabona, ukoll ingħaqad mal-ħafna f’din is-sejħa biex il-Gvern ma jkomplix għaddej b’din id-deċiżjoni tiegħu għax id-daħla tal-Belt Valletta ma jixirqilix li fiha jintrama l-Monti.
Il-Fondazzjoni Valletta Alive ngħaqdet b’aktar reazzjonijiet ta’ kundanna għad-deċiżjoni tal-Gvern inħarġu mill-li fi stqarrija ħeġġet lill-Gvern biex jikkundisra d-deċiżjoni li ħa dwar ir-rilokazzjoni tal-Monti.
Il-Fondazzjoni qalet “li wieħed ipoġġi l-post tal-monti viċin il-fdalijiet tat-teatru l-imwaqqa’ u l-bini tal-Parlament ġdid mhux xieraq. Għal min iżur Malta, speċjalment għall-ewwel darba, it-Teatru u l-Parlament se jħallu impatt pożittiv ħafna, speċjalment minħabba li hu proġett iddisinjat minn wieħed mill-aktar Periti magħrufa. Hu għalhekk li bħala perċezzjoni xejn mhu agħar milli jkollok il-posti tal-Monti fl-entratura tal-Belt.
Il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija esprimiet ukoll in-nuqqas ta’ qbil tagħha li l-monti jkun rilokat għal Triq l-Ordinanza bejn it-Teatru Rjal u l-bini tal-Parlament. Qalet li l-pajjiż investa aktar minn mitt miljun ewro fir-riġenerazzjoni tad-daħla tal-Belt Valletta u dan il-proġett pilotat mill-Perit Renzo Piano diġà attira l-attenzjoni ta’ ħafna pubblikazzjonijiet prestiġjużi internazzjonali. Għalhekk ma jagħmilx sens li f’din id-daħla tal-Belt jitpoġġa l-monti u għalhekk il-Gvern għandu jisma’ mill-appelli li qed isirulu biex jerġa’ lura minn din id-deċiżjoni.
Il-Kamra tal-Periti wkoll uriet id-diżapprovazzjoni għad-deċiżjoni tal-Gvern u qalet li hi toġġezzjona għal din id-deċiżjoni li żgur mhix fl-interess ta’ kif għandha titħares id-daħla tal-belt kapitali.
L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ibliet Imdawra bi Swar ukoll kellha reazzjoni ta’ kundanna. Joseph Spiteri, il-President tal-Assoċjazzjoni kkundanna bil-qawwa kollha d-deċiżjoni tal-Gvern li jċaqlaq il-Monti għal Triq l-Ordinanza u fid-daħla tal-Belt. Hu qal li d-daħla partikolari ta’ belt storika, li hi wkoll sit ta’ patrimonju dinji li se tkun il-Kapitali Kulturali Ewropea fl-2018, se tiġi rvinata b’din iċ-ċaqlieqa. “Dan hu nsult għall-istorja, il-kultura u s-sens ta’ kburija nazzjonali li għandhom dawk kollha li jgħożżu lill-Belt Valletta. Għalhekk din iċ-ċaqlieqa ma tistax tiġi ġustifikata bl-ebda tiġbid tal-immaġinazzjoni u għall-ebda raġuni.”
L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) ukoll talbet lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni li l-Monti jkun rilokat fi Triq l-Ordinanza ħdejn il-bini l-ġdid tal-Parlament u d-daħla tal-Belt Valletta.
L-MHRA qalet li din id-deċiżjoni tmur kontra l-viżjoni ta’ kwalità fit-turiżmu u li l-Monti jkun rilokat fid-daħla tal-Belt hi ‘l bogħod milli din il-viżjoni ssir realtà.
Tibda tinġabar petizzjoni
Sadattant fil-jiem li għaddew kompliet tinġabar petizzjoni li qed tappella lill-Gvern biex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu dwar il-Monti. Din il-petizzjoni qed iddur online u qed tappella lill-politiċi Maltin biex jiżguraw li jinbidlu l-pjanijiet tal-Gvern Laburista li l-Monti jiċċaqlaq għal Triq l-Ordinanza.
Din il-petizzjoni, intitolata ‘Il-Belt Valletta Jixirqilha Aħjar’, inbdiet bl-iskop li l-Gvern jibdel fehemtu u ma jagħmilx dan il-pass li żgur li m’hux fl-interess tal-Belt Valletta.
Il-PN jisfida lil Prim Ministru
Intant, il-PN sfida lill-Prim Ministru jippubblika l-ftehim li għamel mar-rappreżentanti tal-bejjiegħa tal-monti qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fi stqarrija bi tweġiba għal email li ppubblika l-Partit Laburista lbieraħ filgħaxija, il-PN għamilha ċara li ma jaċċetta qatt li l-bejjiegħa tal-monti jimxu ħdejn il-bini tal-Parlament il-ġdid. Iżda, kif għamilha ċara l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, anke li kieku kien, illum, il-Partit Nazzjonalista għandu Kap ġdid li ma jaqbilx li l-monti jarma ħdejn il-proġett ta’ Renzo Piano. Mhux biss, iżda kif spjega fil-konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni llum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ġaladarba jkun fil-Gvern, mhux se jħalli l-monti jarma fi Triq l-Ordinanza. Dan għaliex, kuntrarjament għall-Prim Ministru, għal Simon Busuttil, il-kultura tirbaħ fuq kull xiri ta’ voti.
//= $special ?>