Futbol Qorti Sport

Nadur Youngsters jiddiżassoċjaw minn attentat ta’ korruzzjoni – dixxiplinat membru tal-Kumitat

“Il-klabb ta’ Nadur Youngsters bl-ebda mod ma kien involut fl-attentat każ ta’ korruzzjoni li dwaru ammettew quddiem il-Qorti uffiċċjal tal-klabb u persuna oħra.”

Qal dan il-President ta’ Nadur Youngsters Karistu Camilleri fi stqarrija wara li George Joseph Sultana, ta’ 34 sena mill-Għarb, u Anthony Sam Portelli ta’ 33 sena u Segretarju ta’ nadur youngsters, ammettew quddiem il-Qorti ta’ Għawdex li ppruvaw jixtru żewġ plejers ta’ Xewkija Tigers.

Madankollu l-pjan tagħhom, qabel il-partitissima tas-Sibt bejn l-istess Nadur Youngsters u Xewkija Tigers, wasal għand il-Pulizija. Huma kienu arrestati l-Ġimgħa li għadda, lejliet din il-partita.

Huma ngħataw sentenza ta’ 4 xhur ħabs sospiżi għal sentejn, kif ukoll multa ta’ €1,165.

Fl-istqarrija tiegħu, il-President Camilleri għamilha ċara li “jekk seħħ dan l-attentat, dan sar mill-individwi minn jeddhom u bla ebda konsapevolezza tal-klabb.”

Kompla li l-klabb “jiddiżassoċja minn kull tip ta’ azzjonijiet illegali, jikkundanna kull attentat li seta’ sar biex jiġi influwenzat ir-riżultat ta’ xi logħba” u wiegħed li “se jkompli jaħdem biex iżomm il-logħba tal-futball nadifa, joffri l-aħjar ambjent lit-tfal u żgħażagħ imsiehħba fil-klabb u jżomm l-isem mill-aqwa li dejjem kellu l-klabb.”

Intant, wara l-ammissjoni tiegħu, is-Segretarju Anthony Portelli tneħħa b’mod immedjat mill-pożizzjoni tiegħu u minn membru tal-Kumitat.

Fis-sigħat li ġejjin se jitlaqqa’ l-kumitat biex jiġi deċiż x’passi għandhom jittieħdu f’din is-sitwazzjoni.