Lokali

Neil Harrison jirriżenja minn Kap tas-Central Visa Unit

L-eks Assistent Kummissarju Neil Harrison li sa ftit tal-jiem ilu kien jokkupa l-kariga ta’ Kap tas-Central Visa Unit fl-aħħar sigħat irriżenja minn din il-kariga. Mhux magħruf x’wassal lil Harrison jibgħat ir-riżenja, għalkemm sorsi infurmati tajjeb qalu lil il-mument li fl-aħħar ġimgħat hu spiss kien jinstema’ jgerger u jilmenta.

Bħala l-Kap tas-Central Visa Unit, Neil Harrison kien responsabbli mid-Dipartiment li kien jagħmel xogħol relatat mas-Schengen u aspetti tal-immigrazzjoni. Ix-xogħol tas-Central Visa Unit, li hu stabbilit fil-Furjana, hu dak li jirregola l-Liġi tax-Schengen u jassigura li ma tinkisirx. Hu wkoll responsabbli minn ħruġ ta’ ċerti visa, speċjalment f’każi ta’ raġunijiet mediċi lil barranin li jkunu jridu jiġu Malta għall-kura.

Il-ħatra ta’ Neil Harrison bħala l-Kap tas-Central Visa Unit tmur lura għas-sajf tal-2013. L-eks Ministru Manuel Mallia kien ħatru wara li Neil Harrison kien iddiżappuntat bil-kbir bil-fatt li l-Gvern Laburista kien ħatar lil Pietru Pawl Zammit bħala l-Kummissarju tal-Pulizija wara li neħħa lill-Kummissjoni John Rizzo.

Hemm min isostni li qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ 22 xahar ilu kien hemm min kien mela ras Niel Harrison li kemm-il darba l-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni, hu kellu jkun dak li jieħu l-post tal-Kummissarju John Rizzo bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.

Madankollu minn dan ma ġara xejn. L-eks Ministru Manuel Mallia kien ħatar lil Pietru Pawl Zammit f’din il-kariga u meta ftit xhur wara Pietru Pawl Zammit (riżultat ta’ żbalji goffi u imbarazzanti għall-Gvern) ittajjar mill-kariga, Neil Harrison xorta ma ngħatax dak li kien ilu jistenna u jixtieq. L-għażla kienet waqgħet fuq l-Assistent Kummissarju Ray Zammit li kien hu li ngħata l-inkarigu ta’ Aġent Kummissarju tal-Pulizija. Sorsi infurmati tajjeb dejjem sostnew li kemm-il darba Ray Zammit ma kienx jintgħażel għal dik il-kariga – li dam jokkupaha biss ftit taż-żmien wara li tkeċċa minħabba l-inċidenti tal-isparatura fil-Gżira fid-19 ta’ Novembru tal-2014 mix-xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia – allura dik il-kariga kienet tingħata lill-Assistent Kummissarju Mario Spiteri.

Issa li lejn tmiem is-sena l-oħra r-rwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija ngħata lil Michael Cassar, jidher li Neil Harrison reġa’ ddarras bil-kbir għax fehem tajjeb il-messaġġ tal-Gvern li hu mhux persuna fdata. Għalhekk hemm min jemmen ukoll li Michael Cassar kien qed jingħata l-inkarigu ta’ Kummissarju tal-Pulizija numru ta’ xhur tard la l-Gvern Laburista kien iddeċieda li jneħħi lil John Rizzo minn din il-kariga prinċipalment biex l-eks Kummissarju Malti għall-UE John Dalli jkun jista’ jirritorna Malta u ma jittieħdux passi kontrih fil-Qorti.

Invista ta’ dan ix-xenarju kollu xi ftit kumplikat, Neil Harrison jidher li ilmenta. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li dan l-atteġġjament tiegħu kiber sal-punt li fis-sigħat li għaddew hu rriżenja minn Kap tas-Central Visa Unit fejn kien qiegħed ikollu pressjonijiet kbar.