Internazzjonali

AĠĠORNATA: Pass eqreb lejn pjan ta’ paċi fl-Ukrajna

Il-Mexxejja tar-Russja, l-Ġermanja u Franza qablu li jiltaqgħu nhar l-Erbgħa fil-Belarus biex jiddiskutu pjan għall-paċi fl-Ukrajna.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara sensiela ta’ telefonati bejn il-President Russu, Vladimir Putin, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, il-President ta’ Franza, Francois Hollande u l-President Ukrajn Petro Poroshenko li ddiskutew l-aħħar żviluppi fil-konflitt tal-Ukrajna.

Intant, huma ddeċidew li jiltaqgħu fil-belt ta’ Minsk bl-iskop li jixprunaw pjan biex jintemm il-ġlied bejn il-qawwiet tal-Gvern Ukren u s-separatisti fil-Lvant tal-Ukrajna li jridu l-għaqda mar-Russja.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-militar tal-Ukrajna rrapporta bumbardamenti ġodda fl-inħawi tal-Lvant, bil-Gvern ta’ Kiev jakkuża lir-ribelli b’li qed iħejju għal aktar offensivi. Dan meta l-President Ukren, Poroshenko, talab l-għajnuna mill-Punent u meta mhux se jeskludi l-għajnuna fil-forma ta’ armamenti.

Min-naħa tagħha, ir-Russja ċaħdet li qed tintervjeni direttament fil-kriżi tal-Ukrajna, bil-Kanċillier Merkel tgħid li l-potenzi se jagħmlu minn kollox biex iberrdu l-qiegħa, anki jekk m’hemm l-ebda garanzija li d-diplomazija se tirnexxi.

Mietu ‘l fuq minn 5,000 persuna fil-ġlied li ħakem fir-reġjuni Ukreni tal-Lvant minn April ‘l hawn, waqt li ‘l fuq minn miljun kienu kostretti li jabbandunaw djarhom.

Aktar kmieni…
Waqt konferenza dwar is-sigurta li qegħda ssir fil-Ġermanja il-President tal-Ukrajna Petro Poroshenko għamel appell mill-ġdid għall-għajnuna mill-punent. Huwa talab għajnuna fil-forma ta’ armi sabiex jiġu mgħejuna l-forzi ta’ Kiev fil-ġlieda tagħhom kontra r-ribelli favur ir-Russja.

Waqt id-diskors tiegħu Poroshenko wera bosta passaporti Russi li huwa saħaq kienu ta’ suldati Russi li sfaw maqbuda fl-Ukrajna u dan fl-isfond li r-Russja għadha s’issa tiċħad li hemm intervent militari dirett fl-Ukrajna.

Intant għada l-Unjoni Ewropea mistennija tapprova aktar sanzjonijiet kontra r-Russja b’wieħed mill-miri ikun Anatoly Antonov, id-deputat Ministru tad-Difiża Russu.

Minn naħa tiegħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov qal li l-inkwiet fl-Ukrajna huwa kollu tort tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea.