Internazzjonali

Posposti l-elezzjonijiet għall-Presidenza fin-Niġerja

L-elezzjonijiet għall-Presidenza tan-Niġerja li kienu indikati għal nhar is-Sibt li ġej spiċċaw posposti b’sitt ġimgħat, b’din id-deċiżjoni ma tintlaqax tajjeb mill-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, l-Oppożizzjoni fin-Niġerja kkundannat id-deċiżjoni li, skont hi, tmur kontra d-demokrazija. Madankollu l-Partit Demokratiku tal-Poplu, tal-President Niġerjan, Goodluck Jonathan, faħħar il-posponiment tal-elezzjonijiet bħala miżura għaqlija.

Fil-preżent, in-Niġerja għaddejja minn tensjoni u inċertezza kbira hi u tikkumbatti lill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Boko Haram li qatlu l-eluf tan-nies fl-inħawi tal-Grigal.

Il-kummissjoni elettorali tan-Niġerja ddeċidiet li tibdel id-data tal-elezzjonijiet għaliex is-suldati li huma meħtieġa biex iħarsu l-postijiet tal-votazzjoni huma impenjati fil-battalji kontinwi kontra l-istess Boko Haram.