Uffiċjali li s-soltu huma impenjati b’xogħol fl-Ambaxxata Ċiniża f’Malta għal dan l-aħħar perjodu kienu impenjati direttament fit-tmexxija tal-fabbrika Leisure Clothing (factory) Limited li tinsab fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel.
Id-deċiżjoni li dawn l-Uffiċjali Ċiniżi jibdew jirrapportaw għax-xogħol fil-fabbrika Leisure Clothing jidher li ttieħdet mill-Gvern Ċiniż direttament wara r-rapporti li ġew żvelati minn Ottubru li għadda, dwar dak li kien qiegħed jiġri fil-Leisure Clothing u għaldaqstant kien kostrett jieħu azzjoni immedjata biex l-affarijiet ma jkomplux jitgħarrqu.
Dan ħareġ minn storja ppublikata fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa ta’ Il-Mument. Jidher li għalkemm Bin Han, id-Direttur Maniġerjali ta’ Leisure Clothing (factory) Limited, u diretturi oħrajn tal-kumpanija tħallew fil-karigi rispettivi tagħhom, madankollu t-tmexxija b’mod effettiv qed issir mill-Uffiċjali tal-Ambaxxata li jridu jassiguraw li l-affarijiet fil-kumpanija jirritornaw għal kif kienu oriġinarjament meta nfetħet lura f’nofs is-snin 80.
Is-sorsi li matul il-jiem li għaddew tkellmu ma’ il-mument fissru li r-rapporti persistenti dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Asjatiċi – li eventwalment immotivaw lill-Pulizija biex tressaq lil Bin Han u lil Jia Liu, id-Direttur tal-Marketing, il-Qorti u takkużahom, fost l-oħrajn, dwar traffikar ta’ persuni Asjatiċi kif ukoll ta’ sfruttar fil-post tax-xogħol, inkwetaw ħafna lill-Ambaxxata Ċiniża f’Malta.
Dawn ir-rapporti kienu tradotti għal-lingwa Ċiniża u mgħoddija kollha lill-Gvern Ċiniż ġewwa l-kapitali Ċiniża Bejing. Is-sorsi minn ġewwa qalu li r-reazzjoni tal-Gvern Ċiniż għal dawn ir-rapporti kienetta’ rabja kbira mhux biss għall-mod kif din il-kumpanija tiegħu kienet implikata fi traffikar ta’ persuni Asjċtiċi u anki ta’ sfruttar ta’ ħaddiema fil-post tax-xogħol, imma anki minħabba l-fatt li r-reputazzjoni tal-pajjiż f’Malta setgħet tieħu xejra negattiva.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument żvelaw ukoll li fil-preżent jidher li l-Ambaxxata Ċiniża qed tipprova ssib soluzzjoni wkoll għall-post fejn qed jinżammu jgħixu dawn l-Asjatiċi li llum jammontaw għal numru mhux ħażin ta’ persuni.
L-Ambaxxata Ċiniża hi konxja – anki mir-rapporti, il-filmati u r-ritratti li dehru fil-media fil-ġimgħat li għaddew – li dawn l-Asjatiċi mhux qed jinżammu f’ambjent diċenti li jixraq għaż-żminijiet ta’ llum.
Jihder li minbarra l-aħbarijiet xokkanti dwar Leisure Clothing li ħarġu matul il-ġimgħat li għaddew, l-Ambaxxata Ċiniża segwiet b’attenzjoni wkoll dak li ħareġ mill-Qorti waqt is-smigħ tal-kawża li l-Pulizija qed tagħmel lil Bin Han u lil Jia Liu.
Fost l-aktar aħbarijiet skandalużi kien hemm dik li Bin Han kien jingħata performance bonus ta’ madwar €30,000 fis-sena, apparti l-paga mill-aqwa li kien jieħu mhux biss mil-Leisure Clothing f’Malta, imma anki benefiċċji kbar ukoll mingħand il-mother company ġewwa ċ-Ċina. Dan b’kuntrast mas-sitwazzjoni fejn il-ħaddiema tiegħu – minkejja t-tbatijiet u s-sagrifiċċji kollha li huma mġiegħla u mistennija jagħmlu – idaħħlu loqma ta’ ftit ewro kull xahar!
Fil-Qorti fil-jiem li għaddew fl-Awla tal-Maġistrat Carol Peralta dawk preżenti setgħu jsegwu, fost l-oħrajn, ix-xhieda li ta l-Ispettur Joseph Busuttil, l-investigatur ewleni fil-każ dwar l-allegat traffikar ta’ persuni u sfruttament ta’ ħaddiema fil-Leisure Clothing.
//= $special ?>