Żagħżugħa ta’ 18-il sena minn Ħ’Attard tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha wara inċident li seħħ matul il-lejl li għadda fi Vjal il-Labour fin-Naxxar. Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tas-2am, jirriżulta li żagħżugħ ta’ 20 sena min-Naxxar tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu tat-tip Alfa Romeo u ħabat ma’ siġra. Hu kien sejjer fid-direzzjoni lejn Ħal Lija.
Minbarra ż-żewġ żgħażagħ, fil-vettura kien hemm ukoll żagħżugħa oħra ta’ 18-il sena, ukoll minn Ħ’Attard. It-tlieta li huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn waħda mit-tfajliet kienet iċċertifikata li tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha, filwaqt li l-oħra sofriet minn feriti gravi. Ix-xufier ma sofra l-ebda feriti.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa, li fetħet Inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.
//= $special ?>