L-għaqda Din l-Art Ħelwa appellat lill-Gvern biex ma jċedix għall-pressjoni ta’ fazzjonijiet differenti u jagħmel dak li jixraq għad-dehra tal-Belt Kapitali tagħna. L-għaqda rreferiet għall-kontroversja fuq il-Monti li l-Gvern irid li jiġi rilokat fi Triq l-Ordinanza. L-għaqda qalet li kitbet lill-Prim Ministru, lill-Ministru tal-Kultura u lill-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar bl-appell biex il-Monti ma jiġix rilokat fil-proġett tad-Daħla tal-Belt.
Din l-Art Ħelwa qalet li ftit wara li fid-Daħla tal-Belt sar proġett li jagħtih id-dinjità li jixraqlu, hu meħtieġ li l-persuni li għandhom il-poter ma jċedux għall-pressjoni politika. L-għaqda qalet li l-istqarrijiet tal-aħħar jiem jistgħu iwasslu biex il-Gvern iwebbes rasu u juri li hu ‘l fuq mir-reazzjoni pubblika. Irreferiet ukoll għall-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li ma jaqbilx mar-rilokazzjoni tal-Monti fiż-żona indikata mill-Gvern.
Din l-Art Ħelwa qalet ukoll li tinsab imħassba dwar il-proposta li l-bankarelli tal-Monti ma jiżżarmawx għax dan ifisser li s-suq se jkun xi ħaġa permanenti. Appellat biex iż-żoni tal-Berġa ta’ Kastilja, it-Teatru Rjal, il-Parlament il-ġdid u l-Kavallier ta’ San Ġwann għandhom jitħallew vakanti mill-Monti. B’hekk, ikun assigurat li d-Daħla tal-Belt, li dalwaqt tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, tingħata d-dehra li jixraqilha u ma terġax tiġi ridotta għal dak li sejħitlu “bazaar tat-tielet dinja”.
Sadanittant, fl-aħħar jiem kienu bosta dawk li opponew iċ-ċaqlieq tal-Monti, fosthom il-Fondazzjoni Valletta 2018 immexxija mill-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef, l-Assoċjazzjoni Ewropeja tal-Ibliet, it-Teatru Manoel, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta, il-Kavallier ta’ San Gakbu, Pjazza Teatru Rjal, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Periti.
//= $special ?>