Illejla l-Parlament se jiddiskuti l-prezzijiet-serqa li qed inkunu ċċarġjati hawn Malta mill-Gvern Laburista għall-petrol u d-diesel, kif ukoll għal fuels oħrajn, meta mqabblin, dal-prezzijiet, ma’ dawk ta’ pajjiżi oħrajn u meta nafu x’qed jiġri fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt mhux maħdum li f’dawn l-aħħar xhur waqgħu bin-nofs.
Dibattitu mhux b’raj Joseph Muscat..
Dan id-dibattitu mhux se jsir b’raj Joseph Muscat li la fil-Parlament u lanqas fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ma ddiskuta l-mod kif il-Gvern qed jisraqna 40 ċenteżmu f’kull litru diesel jew petrol.
…imma prezzijiet mija fil-mija tiegħu sal-anqas ċenteżmu
Dan meta tqabbel il-prezzijiet li qed jiċċarġjana Joseph Muscat issa, anke wara d-daħqa fil-wiċċ ta’ dax-xahar, ma’ kif kienu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta wkoll f’Marzu tal-2009 meta ż-żejt mhux maħdum kien bl-istess prezzijiet internazzjonali bħal-lum.
Il-Gvern għadu qed jisraqna 40 ċenteżmu f’kull litru…
Dak iż-żmien, il-petrol hawn Malta kien jiswa 97 ewroċenteżmu l-litru u d-diesel kien 94 ċenteżmu, jiġifieri l-petrol kien 41 ċenteżmu orħos mill-prezzijiet li qed jiċċarġjana dax-xahar stess Joseph Muscat u d-diesel kien 37 ċenteżmu orħos milli qed jiċċarġjana għalih Muscat bħalissa.
…jew tlettax-il ewro f’kull tletin
Mela mhuwiex biss ċar li dak li għamel dax-xahar il-Prim Ministru hu biss daħqa fil-wiċċ ta’ erba’ ċenteżmi flok aktar minn 40 ċenteżmu, imma wkoll li l-Gvern qed jisraqna ammont sostanzjali kull darba li nagħtu d-diesel jew il-petrol lill-karozza. Kalkolu sempliċi juri li qed jisraqna tlettax-il ewro f’kull tletin li nagħtu lill-karozza.
Il-Gvern Laburista żied it-taxxa fuq il-fuels f’kull baġit li għamel
U mhux biss il-Gvern qed jiċċarġjana prezzijiet-serqa fost l-ogħla fl-Ewropa bil-pagi tal-ħaddiema miżjudin minn Joseph Muscat bl-anqas ammont li qatt żdiedu minn żmien il-friża fil-pagi, imma wkoll il-Gvern Laburista ra kif għamel biex saħansitra jisraqna aktar billi żied it-taxxa fuq il-fuels f’kull wieħed miż-żewġ baġits li għamel.
Prim Ministru ffissat fil-karozzi: idur ma’ tiegħek biex jiffinanzja tiegħu
Gvern iffissat fil-karozza tiegħek biex jara kif se jisirqek fil-fuel u jħallik taħlih fit-traffic jams li sar notorju għalihom il-Ministru tat-Traffiku, u ffissat fil-karozza tiegħu li ra kif għamel isuqha bħala Prim Ministru ħalli Joseph Muscat mhux iħallas bħalek għall-karozza imma jitħallas minn flusna u sal-aħħar tal-leġiżlatura jkun daħħal 70,000 ewro fil-but.
Verament Prim Ministru ffissat fil-karozza tiegħek ħalli tħallaslu għal tiegħu u għall-power station li suppost tkun lesta xahar ieħor – u jekk le wiegħed li jirriżenja – imma li għadha lanqas biss bdiet.
//= $special ?>