Lokali

Għal servizz tat-Trasport Pubbliku kif imwiegħed mill-Gvern irridu nistennew sa qabel is-sajf 2016

Ir-riforma sħiħa fit-Trasport Pubbliku mhux se sseħħ qabel nofs 2016.

Dan ikkonfermah ic-chairman Felipe Cosman f’kumment ma’ dan is-sit waqt żjara f’Oviedo fi Spanja.

Matul din iż-żjara c-chairman tal-kumpanija, Felipe Cosman spjega kif f’pajjiżna l-kumpanija se jkollha b’kollox 350 karozza tal-linja. Sas-sajf ta’ din is-sena se jkunu daħlu parti mill-karozzi tal-linja biex sa Ottubru jkunu daħlu kollha.

Għal Malta l-Kumpanija Autobuses de Leon, se jkollha erba daqsijiet ta’ karozzi tal-linja bl-itwal waħda se tkun ta’ 12-il metru. L-oħrajn se jkunu tad-daqs ta’ 11-il metru, 9.5m u l-iżgħar ta’ 9m.

Skont Felipe Cosman dawn il-karozzi tal-linja se jkunu tat-tip Euro 6 u b’high European Standard u li se jkollhom anke spazju apposta għal persuni b’wheelchairs u anke għal dawk nieqsa mid-dawl. Għall-ewwel darba f’Malta l-karozzi tal-linja se jkollhom kunċett ġdid. Dan hekk kif minbarra d-double door entrance se jkun hemm entratura f’nofs il-karozza tal-linja. Skont Cosman peress li għal Malta qed jintroduċu kunċett ġdid, għalihom se tkun sfida biex jassiguraw li dawk kollha li jitilgħu fuq il-karozza jkollhom biljett validu.

F’ Malta l-maħżen fejn jissewwew ħsarat fil-vetturi se jkun f’Ħal Luqa filwaqt li x-xufiera se jkunu qed jingħataw taħriġ permezz ta’ simulatur. B’kollox persuna li trid tkun xufier mal-Alsa, li taqa’ taħt l-Autobuses de Leon, trid titħarreġ għal 2000 siegħa.

Parti mill-vjaġġ kien jinkludi żjara fil-venda li hemm f’Oviedo, li f’Malta mistenni jkollna waħda simili, li biex issir, il-venda li hemm fil-Belt Valletta, li kienet saret mill-kumpanija Arriva, mistennija tkun estiża lejn il-Foss ta’ San Gakbu. Dwar dan diskussjonijiet mal-MEPA għadhom fi stadju bikri kif ikkonferma Felipe Cosman. Dan filwaqt li kkonferma li l-kumpanija għadha qed tikkunsidra x’magni tal-biljetti għandhom jintużaw f’pajjiżna li mistennija jkunu nstallati sa Lulju.

Dwar jekk fis-sistema tat-trasport pubbliku li jridu jintroduċu f’pajjizna, ħasbux dwar il-puntwalita’ tal-karozzi tal-linja fir-rotot rispettivi tagħhom li tista’ tkun affetwata ħażin kawża tat-traffiku f’pajjiżna Felipe Cosman temm jgħid li hi sfida li huma konxji tagħha u li jridu jgħelbu u li biex jifmuha aħjar il-kumpanija ffurmat focus groups.