Internazzjonali

Gwerra kontra l-ISIS minn fuq l-internet

Wara l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni kontra l-ISIS, issa dan il-grupp terroristiku qed jaffaċċja gwerra oħra, dik orkestrata mill-grupp ta’ hackers Anonymous.

Fl-aħħar jiem dan il-grupp ħa l-kontroll ta’ eluf ta’ accounts fuq Facebook u Twitter li kienu qed jintużaw minn membri tal-ISIS biex iwasslu l-propoganda tal-grupp u jattiraw ġellieda oħra. Ġew sospiżi wkoll numru ta’ siti fuq l-internet.

Il-grupp Anonymous ħareġ ukoll filmat fuq Youtube dwar din l-operazzjoni li qed tissejjaħ #OpISIS. Fil-filmat, Anonymous jgħid li din hi gwerra mir-razez, pajjiżi u reliġjonijiet kollha magħqudin flimkien; sew jekk Musulmani, Kristjani jew inkella Lhud.

Il-grupp wiegħed li għad fadal iktar, u mistenni jkompli jattakka siti, accounts u emails bl-għan li jiżvela dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ISIS.