Lokali

Hawn min għandu interess li l-proklama tiġi rtirata

Fl-erba’ ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-2013 tressqu seba’ persuni l-Qorti u wara, taħt dan il-gvern ebda persuna

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern ma jaqax għal-logħba ta’ min għandu interess li tiġi rtirata l-proklama li ngħatat lil George Farrugia b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar irregolaritajiet fix-xiri tal-fuel.

Id-dikjarazzjoni li hawn min għandu interess li tiġi irtirata l-proklama saret mix-Shadow Minister Jason Azzopardi, Chairman tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, f’laqgħa oħra tal-Kumitat li saret illum fejn għat-tielet seduta konsekuttiva l-Gvern baqa’ jagħmel għadd ta’ mistoqsijiet lill-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami, sostna li jingħaqad mad-dikjarazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u saħaq li f’dan il-pajjiż hawn min għandu interess li l-proklama tiġi rtirata għax hu evidenti li jekk tiġi rtirata l-proklama, il-każijiet pendenti fil-Qorti jiġu preġudikati.

Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern joqgħod attent biex ma jaqax f’din il-logħba ta’ min irid li l-proklama tiġi rtirata.

Fisser ukoll li m’għandu ebda dubju li l-membri ta’ dan il-Kumitat m’għandhomx xi interess, iżda saħaq li hawn min għandu interess li l-proklama titneħħa, fosthom l-akkużati stess.

Fix-xhieda tiegħu, Lawrence Gonzi qal li kien qed jiġi msejjaħ għat-tielet darba biex jixhed u jwieġeb għall-istess mistoqsijiet tal-Ministri tal-Gvern, u li ilu jwieġeb għalihom, u saħaq li l-insinwazzjoni tal-Gvern wara dawn il-mistoqsijiet hi ċara – dik li l-proklama nħarġet biex isir xi pjaċir lil Kathy Farrrugia.

Lawrence Gonzi saħaq li hu rrifjuta li jiltaqa’ ma’ George Farrugia fuq ħaġa iżgħar, u dwar dan il-membri tal-Gvern qed jirrifjutaw li jagħtu importanza meta f’email wieġeb b’mod ċar li ma kienx qed jaċċetta li jiltaqa’ ma’ George Farrugia.

“Qed tibqgħu tistaqsuni l-istess mistoqsijiet u tibqgħu tinjoraw li jien irrifjutajt f’email biex niltaqa’ ma’ George Farrugia”, wieġeb Lawrence Gonzi, li saħaq li b’riżultat tal-proklama, f’erba’ ġimgħat sakemm baqa’ Prim Ministru, tressqu seba’ persuni l-Qorti.

Mitlub jgħid jekk hux sodisfatt li l-effett tal-proklama kien wieħed pożittiv, Lawrence Gonzi qal li l-opinjoni tiegħu hi li fi żmien erba’ ġimgħat sad-data li fiha baqa’ Prim Ministru, b’riżultat tal-proklama ttellgħu seba’ minn nies il-Qorti.

Li m’inix sodisfatt hu li bi gvern ġdid, f’sentejn, mhux biss ma ttella’ ħadd iżjed, talli t-tim investigattiv kollu, fi żmien xahrejn tal-Gvern ġdid, ġie żarmat u kull persuna involuta fit-tim ġiet imwarrba.

Lawrence Gonzi żied ukoll jgħid li mhu sodisfatt xejn bil-proċess ġudizzjarju kollu u bil-proċess parlamentari.

Lawrence Gonzi qal li dan il-Kumitat tal-Parlament mhux qed jimxi mar-Regoli tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili. “Tgħidux li qed timxu ma’ dawn ir-regoli meta mhux il-każ, għaliex qed tgħiduli mod u tagħmlu ieħor. Iva, dan il-Kumitat mhux qed jimxi mar-Regoli tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili”, u żied jiddikjara li hu ġie quddiem il-Kumitat biex iwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu u m’għandu ebda intenzjoni oħra.

L-eks-Prim Ministru reġa’ fisser għal darb’oħra, li l-ewwel stqarrija pubblika min-naħa tiegħu dwar li kien lest li jagħti proklama, kien wara stedina li saret mit-Tabib Frank Portelli fuq Facebook, u wkoll minn Arnold Cassola, biex bħala Prim Ministru jerġa’ jlaqqa’ l-Parlament biex jgħaddi l-liġi dwar il-Whistle Blower Act.

Reġa’ fakkar li f’kummenti li ta lill-ġurnalisti, fil-31 ta’ Jannar, 2013, semma li kien lest li jagħti parir lill-President biex tingħata proklama lil min kien lest jikxef id-dettalji dwar il-każ.

Fakkar ukoll li f’xhieda li ta Michael Cassar quddiem dan il-Kumitat, illum Kummissarju tal-Pulizija, kien qal li meta sema’ dak li qal hu bħala Prim Ministru, semma’ lil min kien qed jiġi interrogat li kienet saret id-dikjarazzjoni dwar il-proklama. Dik qajmet serje ta’ affarijiet, fosthom li l-avukati tal-persuna li kienet qed tiġi interrrogata indikaw lill-Kummissarju li l-interrogat kien lest jikxef kollox jekk tingħata l-proklama.

Ir-riżultat ta’ dak kien, saħaq għal darb’oħra Lawrence Gonzi, li f’temp ta’ erba’ ġimgħat minn wara li ngħatat il-proklama, tressqu seba’ persuni l-Qorti.

Spjega wkoll li l-allegazzjonijiet dwar korruzzjoni ħarġu fl-20 ta’ Jannar tal-2013, sitt ġimgħat qabel l-elezzjoni, u fi żmien 24 siegħa fi stqarrija ddikjara bħala Prim Ministru, li l-informazzjoni kollha ppubblikata fil-Malta Today, għaddiha lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga.

Lawrence Gonzi staqsa wkoll li jekk din l-informazzjoni fuq affarijiet li kienu ġraw qabel l-2004 kienet ilha f’idejn xi ħadd u żamma moħbija mill-ġustizzja, u kien jaf li hemm brimba, u ħalla kollox imsakkar f’kexxun biex joħroġ l-informazzjoni f’kampanja elettorali u bil-Parlament xolt; għandu jkun ikkundannat.

Lawrence Gonzi saħaq li din l-informazzjoni messa ngħatat lil min hu responsabbli ħafna qabel, u min żamm din l-iformazzjoni jrid jerfa’ r-responsabbiltà hu għaliex fisser li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni m’għandha qatt issir karru politiku.

Mitlub jgħid min kien preżenti fil-laqgħa tal-Kabinett li fiha kienet approvata l-proklama, Lawrence Gonzi qal li ma jiftakarx eżatt, iżda qal li ma kien hemm ħadd li esprima xi riserva. Tenna mill-ġdid li l-proklama kienet approvata fuq ir-rakkomandazzjoni li għamlu lill-Kabinett l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Dwar min kien preżenti, Lawrence Gonzi qal li dan jista’ jiġi vverifikat jekk wieħed iħares lejn id-dokumenti uffiċjali tal-Kabinett. Iddikjara li m’għandu ebda problema li dawn jiġu vverifikati.

Għal aktar mistoqsijiet tal-membri tal-Gvern, l-eks-Prim Ministru qal li David Spiteri Gngel ġie mqabbad minnu biex jagħmel review dwar l-operat tal-Enemalta, u kien irrakkomanda biex ikunu impjegati aktar nies biex tissaħħaħ l-istruttura tal-Enemalta. Spjega wkoll li l-Gvern kellu opinjoni differenti minħabbba li ma kienx qed jaqbel dwar iż-żieda ta’ nies meħtieġa u indikata fir-rapport.

Lawrence Gonzi spjega li fir-rapport ta’ Spiteri Gingell, qatt ma rriżulta li kien hemm xi irregolaritajiet, u li kieku kien hemm, jemmen li Spiteri Gingell kien jitkellem dwarhom.