Internazzjonali

Il-ġurnalisti m’humiex protetti fil-Libja

L-awtoritajiet tal-Libja m’humiex jipproteġu lill-ġurnalisti lokali li, kontinwament, qed jispiċċaw vittma tad-diversi gruppi armati.

Il-ġurnalisti, minbarra li qed jinqatlu, qed ikunu suġġetti wkoll għat-theddid u l-intimidazzjoni, bl-entitajiet armati anki, ġieli, jaħtfu l-membri tal-istampa.

Dan ħareġ f’rapport tal- Human Rights Watch li akkuża l-gruppi armati fil-Libja, fosthom il-milizzji Iżlamiċi, b’din is-sitwazzjoni u meta fl-aħħar ġimgħat ħarbu numru ta’ ġurnalisti mill-pajjiż.

Ir-rapport bl-isem ‘War on Media: Journalists under attack in Libya’ jiddokumenta aktar minn 90 każ fejn il-ġurnalisti spiċċaw mhedda u aggrediti fil-pajjiż bejn Settembru tal-2012 u Novembru li għadda. Dan meta numru ta’ ġurnalisti sfaw maqtula waqt attakki speċifiċi mill-gruppi armati fil-Libja.

Fl-istess perijodu kienu rreġistrati 26 attakk armat kontra stazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju fil-Libja.