Serq sfaċċat mill-Gvern meta ta l-inqas żidiet fil-pagi u żied it-taxxi fuq il-fuel
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus appella lill-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà politika u ma jitfax il-piż tal-prezzijiet esaġerati tal-petrol u d-diesel fuq il-poplu.
Meta tkellem fid-dibattitu fil-Parlament dwar il-prezzijiet esaġerati tal-petrol u d-diesel, Ryan Callus qal li meta jsib ruħu dahru mal-ħajt, il-Gvern jibda jitfa’ t-tajn.
Ryan Callus qal li l-Oppożizzjoni mhix se tilqa’ l-appell tad-Deputat Laburista Silvio Schembri u se tibqa’ titkellem f’isem il-poplu li llum għadu qed iħallas fost l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa. Hu qal li kien bl-insistenza tal-Oppożizzjoni li l-Gvern kellu jaċċetta li jiddiskuti l-mozzjoni. Il-kritika tal-Oppożizzjoni ġiet ġustifikata anki mill-appell u mill-kundanna tal-poplu.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li fi programm tat-televiżjoni, il-Ministru tal-Finanzi tefa’ t-tort għall-prezzijiet għoljin fuq l-esperti. Dawn huma nies magħżula mill-Gvern u għalhekk ir-responsabbiltà politika għandu jerfagħha l-Gvern u mhux il-poplu.
Ryan Callus fakkar fil-konferenza stampa li sejjaħ il-Prim Ministru biex jagħti aħbar importanti. Din l-aħbar kienet għal traħħis tal-petrol b’żewġ ċenteżmi u d-diesel b’ċenteżmu. Dak li għaddej minnu l-poplu hu dovut għal żball fil-kalkolu li sar mill-Gvern u għalhekk għandu jkun il-Gvern li jerfa’ r-responsabbiltà u mhux il-poplu u l-konsumatur.
Il-Gvern tela’ bl-għajta tal-kontabbiltà u trasparenza. Għalhekk għandu jilqa’ t-talbiet li sarulu biex jippubblikaw il-ftehim dwar il-hedging u dwar kull negozju li sar fil-qasam tal-enerġija.
Il-Gvern m’għandux ixekkel lill-Oppożizzjoni fil-qadi ta’ dmirijietha u għalhekk m’għandux iżommha fid-dlam. Hu sejjaħ lill-Gvern biex jagħti informazzjoni dwar ftehim li qal li ntlaħaq mal-kumpanija Taljana Enel għal enerġija mill-interconnector.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura, qal li bil-liberalizzazzjoni tal-ħażniet tal-fuel, kien hemm sid ta’ pompa li ried joffri prezzijiet orħos għaliex xtara minn kumpanija mhux tal-Gvern. Hi ħasra li dan is-sid ġie obbligat jirtira dak it-traħħis u appella lill-awtorità kompetenti biex tindaga dan il-każ.
Ryan Callus qal li llum qed naraw serq sfaċċat mill-Gvern meta kien hemm fost l-inqas żidiet fil-pagi u meta l-Gvern stess żied it-taxxi fuq il-fuel.
//= $special ?>