Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, appella lill-Prim Ministru Muscat ikun fidil mal-prinċipji li meta kien fl-Oppożizzjoni wassluh biex iniżżel lill-poplu fit-toroq meta l-prezzijiet kienu bħal dawk li huma llum, u meta l-prezz internazzjonali kien id-doppju li hu llum.
Dakinhar, fisser ix-Shadow Minister għall-Finanzi fid-dibattitu tal-lejla fil-Parlament dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern iraħħas b’mod sostanzjali u immedjat il-prezzijiet esaġerati tal-petrol u d-diesel, Joseph Muscat m’għamilx argumenti dwar il-kambju jew il-prezz internazzjonali, iżda tkellem dwar l-għafsa tal-prezzijiet fuq il-but tan-nies.
Mario de Marco appella lill-Gvern Laburista biex iħoss l-istess sentiment li ħass dakinhar.
Fisser kif illum il-Gvern għandu prezz internazzjonali taż-żejt li jippermettilu jtaffi l-uġigħ minn fuq il-poplu u n-negozjanti. Biex dawn tal-aħħar ikunu kompetittivi ma jistgħux jibqgħu mgħobbija bil-piż li għandhom illum.
Mario de Marco staqsa kemm qed jiġi protett il-konsumatur u staqsa fejn waslet l-investigazzjoni li l-Ministru tal-Finanzi kien qal li qed issir fil-każ ta’ sid ta’ pompa tal-petrol fir-Rabat li ried iraħħas il-prezz lill-konsumatur.
Mario de Marco qal li l-wegħda tal-Partit Laburista li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’25 fil-mija lin-negozjanti kien għamilha meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien ta’ 100 dollaru l-barmil.
Issa li l-prezz internazzjonali naqas bi kważi 50 fil-mija wieħed jistaqsi jekk it-tnaqqis hux se jibqa’ dak imwiegħed. Mario de Marco qal li hu tajjeb l-argument li t-traħħis isir biex in-negozji tagħna jkunu aktar kompetittivi. Iżda issa, li anki pajjiżi oħra qed inaqqsu l-prezzijiet, in-negozjant jista’ jsib ruħu f’pożizzjoni li ma jistax jikkompeti minkejja t-traħħis imwiegħed.
Mario de Marco qal li l-Gvern dejjem jitkellem dwar id-distakk li kellu fil-voti mill-Oppożizzjoni. Bil-politika li qed iwettaq il-Gvern b’nuqqas ta’ responsabbiltà u nuqqas ta’ trasparenza, qed joħloq distakk bejn il-politiku u l-poplu.
Fisser kif il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi ftaħru li l-prezz tal-petrol ma raħasx biex tinżamm stabbiltà u ma jkunx hawn inċertezza.
Mario de Marco qal li l-Prim Ministru tkellem dwar bdil fil-prezz internazzjonali taż-żejt iżda dan it-tibdil kien ukoll għall-pajjiżi l-oħra li minkejja dan it-tibdil xorta rnexxielhom iraħħsu l-prezzijiet li jħallas il-konsumatur.
Mario de Marco qal li l-Gvern għandu jieħu kull opportunità li tiġih biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Ġietu l-opportunità għaliex wara snin bil-prezz internazzjonali taż-żejt jaqbeż anki l-100 dollaru l-barmil, illum il-prezzijiet naqsu drastikament.
Hu fatt aċċettat li kulħadd kien isegwi ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u konsegwentement dan kellu effett fuq il-prezz tal-enerġija. Illum hemm fenomenu differenti b’tendenza li l-prezz taż-żejt qed jonqos, ħaġa li kulħadd, minbarra l-Gvern, ried jibqa’ sieket dwar din is-sitwazzjoni.
Kellha tkun l-Oppożizzjoni flimkien ma’ għadd ta’ korpi kostitwiti oħra li semmgħu leħimhom dwar it-tnaqqis drastiku li kien hemm fil-prezz internazzjonali. Minkejja dan, il-Gvern qed iġib l-iskuża tal-istabbiltà biex jibqa’ jżomm prezzijiet għoljin.
Mario de Marco qal li l-Prim Ministru qed jiftaħar li miexi bi trasparenza meta għadu jaħbi kull ftehim importanti li sar f’isem il-poplu.
Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni mhix kontra s-sistema tal-hedging u hu talab li jintwera l-proċess li ntuża biex ikun jista’ jifhem kif il-prezz inżamm għoli.
Il-Viċi Kap u Shadow Miniser għall-Finanzi talab informazzjoni dwar x’wassal biex il-Gvern jiddetermina l-prezzijiet li qed jitħallsu mill-konsumatur.
//= $special ?>