Raġel li f’xogħlu juża €600 diesel fil-ġimgħa l-Gvern qed jeħodlu €147 iktar fil-ġimgħa jew €7,644 iktar fis-sena
L-Oppożizzjoni se tkompli bil-pressjoni tagħha u tinsisti li l-Gvern għandu jraħħas b’mod sostanzjali u immedjat il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel biex il-Maltin u l-Għawdxin igawdu minn prezzijiet baxxi bhalma qegħdin igawdu popli Ewropej oħrajn.
Ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, Marthese Portelli, fissret meta tkellmet illejla fil-Parlament fil-ftuħ tad-dibattitu tal-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni li sejħet lill-Gvern iraħħas b’mod immedjat il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, li hu fatt li bejn Ġunju u Diċembru 2014 rajna l-prezz internazzjonali taż-żejt jinżel minn 100 dollaru l-barmil għal 44 dollaru l-barmil – tnaqqis ta’ iktar minn 55%.
Spjegat ukoll li jekk wieħed iqis il-prezz tal-fuel bla taxxa, jirriżulta li f’Malta l-poplu qed iħallas l-ogħla prezzijiet tad-diesel u petrol fost l-iStati Membri tal-UE.
Dan tikkonfermah statistika ufficjali tal-UE li turi li d-differenza mhix waħda żgħira. Il-prezz tal-petrol bla taxxa f’Malta hu ta’ 65ċ/litru; u meta paragunat mat-tieni l-ogħla pajjiż bla taxxa, Spanja, il-prezz hu ta’ 47c/litru – 17ċ irħas.
Fil-każ tad-diesel bla taxxa, f’Malta il-prezz hu ta’ 67ċ/litru; u meta paragunat mat-tieni l-ogħla pajjiż bla taxxa, id-Danimarka, il-prezz hu ta’ 57ċ/litru – 10ċ irħas.
Semmiet ukoll lil Litwanja li għandha l-orħos press tal-petrol, 40ċ/litru – 25ċ irħas minn Malta u bħala diesel hemm is-Slovenja b’44ċ/litru – 23ċ irħas minn Malta.
Hu fatt ukoll li anke meta wieħed jinkludi t-taxxa, wieħed isib li f’Malta l-poplu xorta għadu jħallas prezz ferm ogħla.
Semmiet li l-prezz tal-petrol fl-Awstrija hu ta’ €1.11 l-litru; il-Belġju €1.24 l-litru; il-Bulgarija €0.96 l-litru; il-Kroazja u Ċipru €1.13 l-litru. Iżda f’Malta l-prezz hu ta’ €1.38 l-litru.
Semmiet ukoll li l-prezz tad-diesel fl-Awstrija hu 1.09 ewro/litru; il-Belġju 1.10 litru; il-Bulgarija €0.99 l-litru; il-Kroazja €1.06 l-litru; u Ċipru €1.17 l-litru. F’Malta l-prezz hu €1.31 l-litru.
Ix-Shadow Minister qalet ukoll li hu fatt ukoll li fl-2011, meta l-prezz internazzjonali kien kwazi d-doppju ta’ dak li kien ftit tal-granet ilu, il-Maltin u l-Ghawdxin kienu qeghdin ihallsu prattikament l-istess prezz li qed iħallsu issa. Marthese Portelli qalet li hu fatt ukoll li dakinhar, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, illum Prim Ministru, kien niżżel in-nies fit-toroq jipprotestaw.
Skont l-aħħar statistika ppublikat mill-Kummissjoni Ewropea hemm 19-il pajjiż li qegħdin ibigħu l-petrol taħt il-prezz medju tal-UE; iżda Malta qeghda l-ħames l-ogħla. Hemm ukoll 22 pajjiż li qeghdin jbigħu d-diesel taħt il-prezz medju tal-UE; u Malta r-raba’ l-ogħla.
Semmiet ukoll li l-Bulgarija għandha l-petrol u d-diesel taghha taħt l-ewro. Hemm ukoll il-Litwanja u l-Lussemburgu bil-prezz tal-petrol taħt l-ewro.
B’riferenza għal dak li qal ilbieraħ stess il-Ministru Konrad Mizzi, ix-Shadow Minister staqsiet għaliex il-Gvern ma jaqbadx u jraħħas id-diesel u l-petrol immedjatament b’mod sostanzjali; għaliex iddeċieda li jżomm il-qligħ għalih; għaliex mhux se jgħaddih, jew tal-anqas parti sostanzjali minnu, lin-negozju, lis-self employed, lill-bdiewa u s-sajjieda, lill-familji, lill-ġenituri u lill-istudenti, b’mod immedjat.
Semmiet il-każ ta’ raġel li f’xogħlu juża €600 diesel fil-ġimgħa, kif bil-prezzijiet għolja f’pajjiżna, il-Gvern lil dan ir-raġel qed jeħodlu €60 iktar fil-ġimgħa, €3,120 iktar fis-sena; u jekk nieħdu l-orħos pajjiż Ewropew, jirriżulta li l-Gvern lil dan ir-raġel qed jeħodlu €147 iktar fil-ġimgħa, jew €7,644 iktar fis-sena.
B’referenza għal dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi li xtara z-zejt bl-43 dollaru kull barmil, staqsiet jekk iħossx li għandu jħabbar roħs sostanzjali llum.
Quddiemm id-differenza ċara dwar xkien jintqal meta wieħed kien fl-Oppożizzjoni, u x’qed isir issa li hu fil-Gvern, Marthese Portelli sostniet li l-poplu ma jixraqlux hekk, bil-konsumatur u n-negozju jibqa’ jħallas dawn il-prezzijiet għoljin u esaġerati.
Semmiet kif fl-2011, fil-11 ta’ Novembru 2008, f’l-orizzont kien irrappurtat dak li kien qal Muscat “…il-mod ta’ kif qed dan il-Gvern f’direzzjoni totalment opposta għal gvernijiet oħra Ewropej u madwar id-dinja hija impressjonanti.”
Marthese Portelli temmet tgħid li dakinhar Muscat kellu déjà vu ta’ x’kellu jigri fl-2014-2015.
//= $special ?>