Lokali

Il-Gvern mhux se jippubblika l-ftehim dwar ix-xiri taż-żejt sakemm ikun għadu fis-seħħ

Il-Gvern mhux lest jippubblika l-ftehim tal-hedging fix-xiri tal-fuels sakemm dawn ikunu għadhom operattivi, iżda lest jippubblikahom wara li jkunu skadew. F’tentattiv biex jiġġustifika l-pożizzjoni tal-Gvern li ma raħħasx il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt roħos sew, il-Ministru Konrad Mizzi indirizza lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), fejn sostna li l-prezz internazzjonali taż-żejt niżel anqas minn kemm kien ‘iħħeġġja’ l-Gvern Malti.

Konrad Mizzi spjega kif f’Diċembru li għadda l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt waqgħu aktar mis-soltu u għalhekk, f’Jannar, il-prezz tal-fuel mixtri bil-hedging ġie ogħla. Qal li quddiem din is-sitwazzjoni, il-Gvern intervjena u kienu anke konklużi numru ta’ ftehim ta’ hedging. Kien għalhekk, sostna l-Ministru Mizzi, li l-Gvern seta’ jraħħas il-prezzijiet tal-fuel.

Il-Ministru kompla li l-prezz internazzjonali qed jerġa’ jogħla u laħaq il-$58 kull barmil, iżda jiġri x’jiġri l-Gvern jinsab f’pożizzjoni li jraħħas il-prezzijiet. Qal li ma kienx vijabbli li t-tnaqqis isir f’daqqa biex ma tinħoloqx problema ta’ cash flow għall-Enemalta. Filwaqt li qal li mhumiex isiru profitti li mhumiex normali mill-bejgħ tal-fuels, il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern mhux se jippubblika l-ftehim tal-hedging għalissa minħabba l-kompetizzjoni.

Fl-aħħar xhur, qal il-Ministru Mizzi, il-prezz tal-petrol raħas seba’ darbiet, filwaqt li tad-diesel raħas ħames darbiet. Il-policy tal-Enemalta skont kif spjegata mill-Ministru Mizzi hi li l-hedging isir biss għal perjodi qosra u mhux għal perjodi fit-tul. Dwar l-Enemalta, Konrad Mizzi qal li l-pjan tal-Gvern hu li din topera fuq prinċipji tas-settur privat, taqla’ l-flus u anke traħħas il-prezzijiet.

Min-naħa l-oħra, dwar il-Power Station il-ġdida, il-Ministru Mizzi qal li se jibdew isiru t-testijiet meħtieġa biex il-Power Station ta’ Delimara tkun tiflaħ il-produzzjoni tal-pajjiż meta tingħalaq għal kollox il-Power Station tal-Marsa.