L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima se tikkunsidra jekk tagħmilx aċċess fir-Residenza San Vincenz de Paule b’rabta mal-każ ta’ anzjan Ingliż li miet l-Isptar Mater Dei wara li allegatament ma kienx miżmum tajjeb fid-dar tal-anzjani fejn kien jgħix.
Il-familja ta’ Leonard Thomas Lancester, anzjan ta’ 81 sena, qed iżżomm lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa u lill-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vincenz de Paule responsabbli għall-mewt tiegħu, li ġrat fit-28 ta’ Awwissu li għadda.
It-talba għall-aċċess saret mill-Avukat Tonio Azzopardi f’isem l-armla u wlied l-anzjan, li qed iżommu lill-istaff tar-residenza responsabbli talli l-qarib tagħhom ma kienx ittrattat kif suppost u li ma kienx qed jingħata l-kura u l-attenzjoni meħtieġa.
Il-familja qed tallega li huwa nżamm f’kuritur taħt air conditioner u minħabba l-kesħa spiċċa biex laqqat infezzjoni li minħabba fiha saħħtu marret lura. Aktar tard hu miet fl-Isptar Mater Dei fejn iddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Hu għalhekk li qed jintalab kumpens għall-mewt tiegħu u għat-trawma psikoloġika li l-familja qed tgħid li sofriet minħabba dak li ġara.
Sakemm tiddeċiedi fuq it-talba tal-familja, l-Imħallef ordnat ukoll biex il-files tal-pazjent, fl-isptar u f’San Vincenz de Paule, jiġu depożitati fil-bini tal-Qorti.
//= $special ?>