Għat-tieni darba f’xahrejn, is-soċjeta’ Parma Calcio bidlet il-propjetarji tagħha għal somma ta’ €1.
Filfatt jirriżulta li issa s-soċjeta’ hi mmexxija minn Fiorenzo Alborghetti, li xtara l-klabb mingħand l-Albaniż Rezart Taci. Dan tal-aħħar kien xtara lil Parma f’Diċembru li għadda.
Il-klabb għaddej minn problemi finanzjari kbar, bi djun li jlaħħqu l-miljuni u bil-klabb marbut li jħallas il-pagi sal-15 ta’ dan ix-xahar. Filfatt fl-aħħar ġimgħat diġa’ ħallew lill-klabb numru ta’ plejers li baqgħu bla pagi għal sitt xhur.
Jekk dawn il-pagi ma jitħallsux, il-klabb jista’ jkun dikjarat fallut.
Alborghetti hu r-raba’ President tal-klabb mindu ħalla l-Presidenza Tommaso Ghirardi f’Mejju tal-2014. Meta ħa l-klabb f’idejh, Parma diġa’ kienet soċjeta mifnija mid-dejn u minkejja investiment ta’ madwar €43 miljun f’ħames snin, ma rnexxilux iqajjem il-klabb fuq saqajh.
Il-klabb ta’ Parma F.C. ma tħalliex jieħu sehem fl-Europa League ta’ din is-sena propju minħabba flus li baqgħu ma tħallsux.
//= $special ?>

