Il-Maġistrat Carol Peralta talab lill-kumpanija Leisure Clothing biex tagħti l-flus dovuti lill-ħaddiema tagħha, liema talba ma kellha l-ebda oppożizzjoni mill-avukati ta’ l-istess fabbrika.
Huwa qal dan hekk kif kompla jisma’ l-kumpilazzjoni taż-żewġ diretturi Ċiniżi tal-kumpanija li qed jiġu mixlijin bi traffikar uman u sfruttament ta’ ħaddiema fost affarijiet oħra ta’ persuni ta’ nazzjonalita’ Vjetnamiża u Ċiniża. Huma qegħdin iwieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Bin Han ta’ 46 sena u Liu Jia ta’ 32 sena li jokkupaw il-karigi ta’ Direttur Maniġerjali u Direttur tal-Marketing rispettivament huma l-persuni akkużati b’miżappropjazzjoni, jiġifieri li dawwru profitt għalihom b’mod illeċtu għad-dannu tal-ħaddiema mis-salarji tagħhom u li allegatament kienu sfruttati billi ma tħallsux skont il-liġi, anke fejn tidħol sahra.
Wara li l-Maġistrat Peralta appella lill-Avukat Pio Valletta biex jagħtu dak dovut minnhom lill-ħaddiema, l-Avukat Valletta qal li huma kienu lesti jgħaddu l-flus lill-Qorti. L-Avukat Valletta qed jiddefendi lill-kumpanija flimkien mal-Avukat Edward Gatt.
Il-Maġistrat Peralta ssuġġerixxa wkoll li l-kumpanija tgħaddi l-flus lill-avukati li qed jidhru ‘parte civile‘ għall-ħaddiema Vjetnamiti u anke rrimarka li l-kumpanija jeħtieġ tkun umanista u tagħti l-flus ħalli l-ħaddiema jkunu jistgħu jibgħatu flus lill-familji tagħhom.
L-unika xhud f’din il-kumpilazzjoni kien impjegat Vjetnamiż li semma kif qabel ġie Malta biex jaħdem mal-kumpanija kien imwiegħed paga u kundizzjonijiet differenti minn kif sabhom f’Malta.
Huwa mhux biss ilmenta mill-ħlas li ngħata u l-ħin twil tax-xogħol imma anke mill-kwalità tal-ikel li kien jingħata fil-fabbrika u l-ammont ta’ ilma u ‘toilet paper’ li kienu jingħataw. Huwa kkolabora ħafna max-xhieda li taw ħaddiema oħrajn fejn qal li kienu jinsabu f’sitwazzjoni miskina u bla drittijiet ta’ xejn.
L-impjegat dam jixhed għal ħames siegħat sħaħ. Huwa spjega li ġie Malta permezz ta’ aġenzija Vjetnamita u kien imwiegħed €685 fix-xahar. Qal li huwa ħallas lill-aġenzija total ta’ 70 miljun “Vietnamese Dong” li jiġi madwar €1,000, bħala depożitu għal post tax-xogħol f’Malta li jħallas sew.
Huwa tkellem dwar l-akkomodazzjoni li tefgħuh fiha u l-ikel fejn kollox kien maħmuġ, u ikel bla vitamini ta’ xejn. Qal li l-aktar li kienu jitmgħuhom kien kaboċċi, mingħajr biċċa laħam jew ħuta u r-razzjon tagħhom kien ta’ pakkett “toilet paper” ta’ sitt rollijiet u żewġ fliexken ilma li jridu jservuhom għal xahar. Mistoqsi mill-Qorti jekk kien ikollu tliet ikliet kuljum, huwa wieġeb fl-affermattiv, imma qal li l-“breakfast” kien jikkonsisti fi “steamed bun” (biċċa hobż fuq il-fwar).
Kompla jgħid li meta kien ilmenta, Bin Han kien qallu, li jekk ma jogħoġbux, għandu jaqbad u jippakkja u jitlaq lura lejn il-Vjtetnam. Meta kien ukoll staqsieh biex jagħtih flusu, li kienet iżżomilhom il-kumpanija, flimkien mad-depożitu dovut lilu, li jammontaw għal 20 miljun Dong, irrifjuta. Dan għaliex ken jgħidlu li jekk jitlaq, il-kumpanija stess kellha tħallaslu għal vjaġġ u għalhekk kien qed jaħli ż-żmien jistaqsi għal flus.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Sylvana Briffa mgħejjuna mill-Avukati Katrine Camilleri, Lara Dimitrijevic, Karl Briffa u Michael Camilleri li qed jassistu lill-ħaddiema Vjetnamiti involuti fil-każ.
//= $special ?>