Lokali Parlament

Il-Parlament approva art biex tinbena ambaxxata ġdida taċ-Ċina f’Pembroke

Il-Parlament approva f’riżoluzzjoni speċjali llejla, li art f’Pembroke ta’ madwar 19,115-il metru kwadru, tgħaddi lill-Gvern Ċiniż biex tinbena ambaxxata ġdida f’pajjiżna.

Ir-riżoluzzjoni tressqet għall-approvazzjoni tal-Parlament, fil-bidu tas-seduta tal-bieraħ mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, Michael Falzon.

Il-Gvern ipproponi li l-Kamra tad-Deputati tapprova din ir-riżoluzzjoni, li tfisser li se tkompli tippromwovi u ssaħħah ir-relazzjonijiet storiċi, internazzjonali, politiċi u ekonomiċi mal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

B’din ir-rżoluzzjoni, il-Gvern iddispona b’titlu ta’ bejgħ il-porzjon ta’ art ta’ madwar 19,115-metri kwadri f’Pembroke, hekk kif deskritta fl-abbozz ta’ ftehim li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati u taħt il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-istess abbozz.

L-art se tintuża unikament u esklussivament biex tinbena u tintuża bħala l-Ambaxxata tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fMalta.