Fid-dibattitu Parlamentari tal-lejla, l-Oppożizzjoni qed tistenna li l-Gvern iħabbar roħs sostanzjali b’mod immedjat fil-prezzijiet tad-diesel u l-petrol. Dan id-dibattitu se jsir 14-il ġurnata wara li l-Oppożizzjoni ressqet Mozzjoni fil-Parlament għal dibattitu li għandu jwassal biex il-prezzijiet tal-fuels jorħsu b’mod sostanzjali u immedjat.
F’ġieħ it-trasparenza li Joseph Muscat tant tkellem dwarha qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, l-Oppożizzjoni qed tistenna wkoll li jiġu ppublikati l-kuntratti ta’ hedging li l-Gvern qed jgħid li għamel. L-Oppożizzjoni tfakkar li l-laqgħa li l-Ministru tal-Enerġija għandu llum mal-imsieħba soċjali qed issir biss wara insistenza minn numru ta’ imsieħba soċjali u mhux għax ried hu.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li kważi l-imsieħba soċjali kollha, ħlief il-General Workers Union, urew it-tħassib tagħhom dwar il-prezzijiet għoljin tad-diesel u l-petrol, filwaqt li talbu li l-prezzijiet għandhom jorħsu b’mod immedjat u b’mod sinifikanti. B’hekk, ma tkomplix titnaqqar il-kompetittività ta’ pajjiżna u jonqos il-piż żejjed li għandhom il-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista qal li aktar minn ġimgħa ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u x-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli ltaqgħu mal-imsieħba soċjali kollha fi ħdan l-MCESD biex jispjegawlhom il-pożizzjoni tal-Partit u r-raġunament għalfejn il-Gvern għandu jraħħas il-prezzijiet tal-fuels b’mod immedjat u b’mod sostanzjali. Għal-laqgħa m’attendietx biss il-GWU, li m’aċċettatx l-istedina.
L-uniku traħħis li għamel il-Gvern kien il-ġimgħa li għaddiet u sar biss minħabba l-pressjoni li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, b’mod speċjali wara l-laqgħa li kellu mal-imsieħba soċjali. Madankollu, sostna l-Partit Nazzjonalista, it-traħħis ta’ 4ċ żgur li mhux biżżejjed meta l-familji u n-negozji Maltin għadhom iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għad-diesel u l-petrol fl-Ewropa.
Fil-fatt, skont l-aħħar statistika tal-Kummissjoni Ewropea, il-familji u n-negozji Maltin iħallsu l-ħames l-ogħla prezz għall-petrol u r-raba’ l-ogħla prezz għad-diesel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>