Internazzjonali

Immigranti jmutu bil-kesħa qabel iwassluhom f’Lampedusa

Talanqas 25 immigranti li qasmu mil-Libja għall-Ewropa b’dinghy tilfu ħajjithom b’kaġun tal-kesħa kbira u wara li kienu salvati mill-gwardjani tal-kosta Taljani.

Ir-rapporti qalu li l-immigranti mietu mill-effetti tal-hypothermia u wara li kienu ttellgħu abbord id-dgħajjes, ftit ‘il barra minn Lampedusa.

Il-vittmi kienu fost aktar minn 100 immigrant (fuq id-dinghy) li nġabru minn żewġ patrol-boats Taljani, tard fil-lejl tal-Ħadd. Sa dak il-ħin, id-dinghy kien bilkemm qed iżomm f’wiċċ il-baħar fost il-mewġ għoli u meta t-temperaturi kienu kważi qed imissu maz-zero.

L-immigranti li kienu salvati damu aktar minn 18 il-siegħa fuq il-patrol-boats waqt il-vjaġġ lejn Lampedusa u fejn sofrew ‘l-agħar effetti tal-maltemp u l-irwiefen’, tant li 25 minnhom mietu qabel twasslu lejn ix-xatt.