Lokali Parlament

Joseph Muscat jikkundannawh kliemu stess

Muscat mhuwiex jipproteġi l-interessi tal-familji u n-negozji li qed iħallsu żejjed għall-petrol u d-diesel minħabba l-politika żbaljata u qarrieqa tal-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kixef fil-Parlament kif il-Prim Ministru Joseph Muscat illum hu priġunier ta’ kliemu stess. Erba’ snin ilu ħareġ in-nies jipprotestaw fit-toroq u tkellem ħafna kontra l-prezzijiet tal-petrol, tad-diesel u tal-gass, u llum qed iħalli l-prezzijiet esaġerati u għolja tal-petrol u d-diesel meta l-prezz internazzjonali taż-żejt madwar id-dinja qiegħed bin-nofs.

Simon Busuttil qal dan meta għalaq id-dibattitu tal-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex titlob lill-Gvern iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel minnufih u b’mod sostanzjali għaliex il-konsumatur Malti mhux qed igawdi minn prezzijiet bħal ċittadini oħra tal-UE.

Il-mozzjoni tressqet ukoll quddiem l-aġir ta’ Gvern li, jew għax rasu iebsa jew għax inkompetenti, ma jridx iraħħas il-prezzijiet biex jirriflettu l-prezz internazzjonali.

Simon Busuttil qal li għal dan kollu hu responsabbli l-Prim Ministru għaliex meta kien fl-Oppożizzjoni kien jitkellem mod ieħor.

Fakkar li meta erba’ snin ilu Joseph Muscat ħareġ in-nies jipprotestaw fit-toroq fl-14 ta’ Jannar 2011, tkellem ħafna kontra l-prezzijiet tal-petrol, tad-diesel u tal-gass, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien 98 dollaru l-barmil, id-doppju tal-lum. Erba’snin ilu litru petrol kien jiswa €1.31; litru diesel kien €1.21; litru pitrolju €1.21 u ċilindru gass ta’ 12-il kilo kien €17.30.

Simon Busuttil issotanzja dan billi poġġa fuq il-mejda tal-Kamra dawn il-prezzijiet kif jirriżultaw minn reklam tal-Partit Laburista stess f’l-orizzont tal-11 ta’ Jannar 2011, għall-protesta li organizza ftit ġranet wara.

Iżda llum, saħaq Simon Busuttil, biż-żejt internazzjonalment in-nofs, il-prezzijiet ta’ Muscat għal litru petrol hu €1.38 – 7ċ ogħla minn meta Joseph Muscat ħareġ in-nies fit-toroq; litru diesel hu €1,31 – 10ċ ogħla; litru pitrolju 17ċ ogħla u ċilindru ta’ 12kg gass 70ċ ogħla minn meta Joseph Muscat ħareġ in-nies fit-toroq.

Simon Busuttil irrifera wkoll għal dak li qal Joseph Muscat f‘It-Torċa, tad-9 ta’ Jannar 2011, li f’artiklu kien qal li l-Prim Ministru mhuwiex jipproteġi l-interessi tal-familji u n-negozji. Illum bi prezzijiet tiegħu ogħla minkejja żejt orħos bin-nofs, hu Joseph Muscat li bi kliemu stess mhuwiex jipproteġi l-interessi tal-familji u n-negozji.

Fl-istess artiklu kien kiteb li >“l-prezzijiet ta’ dawn l-utilitajiet essenzjali għandhom effett dirett u indirett fuq l-għoli tal-ħajja, kemm minħabba l-prezz ogħla li l-konsumaturi jridu jħallsu għalihom kif ukoll minħabba ż-żieda fl-ispejjeż għan-negozji”. Illum, il-Prim Ministru stess qed iġib għafsa diretta u indiretta għall-konsumaturi u n-negozji bi prezzijiet ogħla minn meta kiteb dak l-artiklu.

Fakkar ukoll li Joseph Muscat, fid-dimostrazzjoni ta’ protesta nazzjonali rappurtat f’l-orizzont is-Sibt 15 ta’ Jannar 2011, kien qal li “Min qiegħed fit-torri tal-avorju għandu jisma’. Hemm bżonn li dan il-poplu jsemma’ leħnu kontra l-arroganza ta’ dawk li qed imexxu li jaħsbu li l-pajjiż hu tagħhom.

Simon Busuttil qal li għaldaqstant tiġi waħedha li llum fit-torri tal-avorju daħal Joseph Muscat għax iż-żejt fid-dinja raħas bin-nofs iżda għadu jiċċarġja aktar minn meta kiteb l-artiklu.

Fakkar ukoll kif dak iż-żmien Joseph Muscat kien qal ukoll “Grazzi lill-General Workers’ Union li attendiet għall-protesta”. Simon Busuttil staqsa fejnha l-GWU llum bi prezzijiet tal-fuels ogħla għall-ħaddiema minkejja ż-żejt fid-dinja orħos bin-nofs? Staqsa wkoll lill-Prim Ministru kif il-GWU għadha ma qaltlux issa daqshekk?

Filwaqt li fakkru f’dak li kien qal dak iż-żmien li “l-għoli fil-prezzijiet laqtu fil-laħam il-ħaj lil dal-poplu b’rabta mal-prezz tal-fuel u l-prezz tal-gass”, Simon Busuttil qal li bi kliem il-Prim Ministru stess żgur li llum qed jolqtu wkoll aktar u aktar fil-laħam il-ħaj.

Irriferih ukoll għal artiklu ieħor li kiteb il-Prim Ministru Muscat f’It-Torċa tas-16 ta’ Jannar 2011, meta kien kiteb li l-Gvern ta’ dak iż-żmien, kien “Gvern bla qalb soċjali”, u staqsa x’qalb soċjali għandu llum il-Prim Ministru filwaqt li tenna li bi kliemu stess, dan hu Prim Ministru b’qalb anti-soċjali.

Meta fakkar ukoll li kien kiteb ukoll li “s-solidarjetà tibda mill-iskrivanija tal-Prim Ministru u tieqaf sal-bieb ta’ Kastilja”, Simon Busuttil qal li żgur li solidarjetà l-Prim Ministru tal-lum qed juri anqas u mhux aktar meta ta biss 58 cents żieda,u qabbel din is-solidjaretà bħala waħda li qed tingħata bis-sale.

Fakkar ukoll f’dikjarazzjoni oħra li għamel Muscat meta kien qal li “Jekk fl-elezzjoni ġenerali li jmiss ningħata l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin, se nkun magħkom tul il-ħames snin u mhux lejlet l-elezzjoni biss”. Simon Busuttil staqsa fejn hu l-Prim Ministru llum meta qed jiċċarġja prezzijiet aktar minkejja l-prezz dinji taż-żejt hu n-nofs.

Ikkwota wkoll f’aktar dikjarazzjonijiet li għamel Muscat fil-kitbiet tiegħu fosthom li “s-sitwazzjoni għall-familji u n-negozji llum hi mhux biss iebsa, iżda iebsa ħafna”; li “l-prezzijiet qegħdin iwasslu għall-għoli tal-ħajja u jnaqqsu l-kompetittività. B’hekk huma ta’ theddida għax-xogħol”; u li “Il-Maltin u l-Għawdxin qegħdin isibu ma’ wiċċhom il-prezzijiet tal-Ewropa, iżda l-pagi ta’ barra l-Ewropa”.

Bi kliemu stess, saħaq għal darb’oħra Simon Busuttil, il-Prim Ministru llum hu bla qalb soċjali; ma jipproteġix l-interessi tal-familji u n-negozji; qiegħed f’torri tal-avorju; inkompetenti; jolqot lill-poplu fil-laħam il-ħaj; wera solidarjetà ta’ 58 cents li tieqaf mal-bieb ta’ Kastilja; ġab is-sitwazzjoni agħar minn iebsa ħafna; u qed jhedded ix-xogħol u l-kompetittività bil-prezzijiet għoljin, u ġab il-familji f’morsa.

Dan hu Prim Ministru li lill-ħaddiema u lill-pensjonanti tahom l-agħar żieda minn meta kien hawn il-wage freeze tas-snin tmenin. Hu Prim Ministru li fil-baġit qal li se jżomm il-prezzijiet stabbli – jiġifieri għoljin – sa Marzu.

Simon Busuttil spjega wkoll li l-Prim Ministru messu raħħas mhux b’4 ċenteżmi, li kien daħk fil-wiċċ, imma b’40 ċenteżmu.

Irrimarka li kull min jitfa’ €30 petrol, il-Gvern qed jisirqu €13. Min jitfa’ €30 diesel, il-Gvern jisirqu €12.
Enfasizza wkoll li mhux ta’ b’xejn li l-istatistika tal-Eurostat tgħid kull xahar li għandna nuqqas ta’ bejgħ kontra l-bqija tal-Ewropa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li qed inħallsu żejjed għall-petrol u d-diesel għax qed inħallsu għall-politika żbaljata u qarrieqa tal-Gvern. Qed inħallsu għal power station li falla milli jwettaq skont kif wiegħed qabel l-elezzjoni.

Qed inħallsu wkoll għall-inkompetenza dwar il-hedging b’nuqqas bażiku li jifhem ix-xejriet li kien qed jarahom kulħadd ħlief hu.

Quddiem dawn il-fatti, qal Simon Busuttil, għandna Prim Ministru li jaħseb li hu bravu u li hu biss jifhem – imma issa qed naraw li ma jifhimx, ghax sforz l-inkompetenza tiegħu qed iċappsilna fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa. Fisser ukoll kif dan qed ikollu effett fuq l-ekonomija u l-kompetittività tagħna.

“Qed inħallsu aktar għaliex qegħdin jiffangaw u ma jistax jimpurtahom kemm qed iħallsu n-nies għall-petrol u d-diesel għax huma ma jħallsux għalih, bħalma mhux qed iħallsu wkoll ħafna backbenchers li għandhom karozza u xufier.”

Fost dawk b’karozza u xufier, semma li hemm Charles Buhagiar li hu konsulent mal-Gvern; Deo Debattista, Chairman tal-OHSA; Silvio Parnis, Chairman tal-Kumitat Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta; u Silvio Schembri, konsulent tal-Gvern.

Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li titlob għal roħs immedjat u sostanzjali tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel m’għadditx, u minflok kienet approvata bi 33 vot favur u 30 kontra emenda tal-Gvern biex dan il-Gvern jibqa miexi bil-politika tiegħu dwar il-prezzijiet tal-fuel u l-politika tal-enerġija.