Wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Aaron Bugeja, biex l-Isqalli Sebastiano Brunno jiġi estradit lejn l-Italja ħalli jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs, Brunno fetaħ kawża Kostituzzjonali li fiha qed jgħid li ma kellux smigħ xieraq f’pajjiżna għax il-Qrati ta’ Malta ma ħadux kunsiderazzjoni tal-ħabs li se jintbagħat fih kemm-il darba jiġi estradit.
Fil-kawża li ppreżenta fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), Brunno, ta’ 58 sena, qed isostni li jekk jintbagħat lura l-Italja se jinżamm f’ħabs fejn il-priġunieri ma jiġux trattati sew u għalhekk qed jitlob li jiġi meħlus.
Huwa ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, li ċaħdet l-argument tad-Difiża li kien hemm żbalji fil-proċedura. Il-każ jikkonċerna reati li għalihom Brunno kien instab ħati, inkluż ta’ qtil li kien seħħ fl-1992.
Il-kawża l-ġdida saret mill-Avukat Roberto Montalto fil-konfront tal-Avukat Ġenerali u tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Brunno, li kien imfittex f’pajjiżu fuq rabtiet mal-Mafja, ġie arrestat f’Buġibba fit-2 ta’ Ottubru li għadda wara li kien ilu mfittex mill-pulizija Taljana mill-2009. Fit-28 ta’ Novembru li għadda, il-Maġistrat Aaron Bugeja laqa’ t-talba għall-estradizzjoni tiegħu.
Għalkemm Brunno appella, fis-26 ta’ Jannar ta’ din is-sena l-Imħallef ċaħadlu t-talba, bit-Taljan jgħid li hu ma ngħatax smigħ xieraq.
F’kawża separata, Brunno kien anke kkundannat tliet xhur ħabs mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li nstab b’karta tal-identità li fuqha kien hemm isem differenti minn tiegħu.
//= $special ?>