Lokali Qorti

L-MUT tiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-Ministeru tal-Edukazzjoni

Il-union tal-għalliema (MUT) fetħet protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u union oħra biex twaqqaf negozjati dwar ftehim kollettiv ġdid li qed jiġi nnegozjat bħalissa u li jinkludi liċ-child carers.

L-MUT qed tgħid li ċ-child carers li huma mpjegati tal-FES għandhom dmirijiet li jinkludu aspetti edukattivi u allura l-kundizzjonijiet għandhom jirriflettu dan. Il-union qed tgħid li dawn l-impjegati bħalissa għandhom kundizzjonijiet mill-iktar ħżiena li huma ta’ detriment għalihom u lis-settur u li qed iwasslu biex ħafna jħallu l-post tax-xogħol tagħhom.

Qed tisħaq ukoll li l-kundizzjonijiet marbuta max-xiftijiet, is-sigħat, il-paga miżera u t-trattament tal-ħaddiema, fost affarijiet oħra, qed jirriduċu liċ-child care centres f’intrapriżi industrijali żgħar.

L-MUT qed tiġbed l-attenzjoni li wara snin li fihom kienu jitħaddmu child care centres u li matulhom qatt ma tjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, il-carers ingħaqdu magħha biex tirrappreżentahom. Qed tgħid li waqt li hi ressqet talba biex tiġi rikonoxxuta bħala l-union għal dawn il-ħaddiema, baqgħu għaddejjin negozjati ma’ union oħra.

Sadattant, l-MUT qed tikkommetti ruħha li tibda diskussjonijiet mill-ewwel biex taħdem ma’ dawk kollha konċernati, hekk kif tiġi rikonoxxuta mal-parti l-kbira tal-carers, u għalhekk tingħata d-dritt u r-responsabilità li tirrappreżentahom.