“Meta naħseb f’Angie, naħseb f’enerġija, eċitament u saħħa. Kienet ħabiba ferm pożittiva, dejjem lesta li tferraħ lil ħaddieħor, bniedma ferħana, entużjasta u tidħaq biha nniffisha, tfajla li tħobb l-avventura. Dan huwa għaliex inweġġgħa meta niftakar fl-inċident traġiku li ħalliha fi stat fejn ma stajtx nikkomunika sew magħha, fejn ma stajtx ikolli diskussjonijiet magħha bħal qabel. Din kienet ir-reazzjoni ta’ Gillian Balani, l-akbar ħabiba ta’ Angie u li baqgħet viċin tagħħa tal-familja ta’ Angie sal-aħħar mumenti.
Matul il-lejl li għadda Angie Bajada, tfajla ta’ 25 sena, mietet wara 5 snin fi stat veġitattiv kawża ta’ inċident tat-traffiku li kienet involuta fih 5 snin ilu. Angie ħadet l-aħħar nifs ta’ ħajjitha matul il-lejl li għadda.
F’kummenti ma’ maltarightnow.com, l-akbar ħabiba ta’ Angie, Gillian, qalet li “llum, meta niftakar f’Angie niftakar fis-saħħa li tat lili, lil bintha u lill-familja tagħha, fl-imħabba li kienet imdawwra biha u fl-isforz biex fil-ħajja ma taqtax qalbek. Nemmen li Angie baqgħet magħna f’din id-dinja għal 5 snin minħabba s-saħħa u l-imħabba li kella lejn il-familja u lejn il-ħajja. Angie kienet ta’ ispirazzjoni għalija u għal kull min iltaqa magħha- biex il-bniedem jiħu l-ħajja b’pożittivita’ minkejja li jkun għaddej minn ħafna diffikultajiet. Angie lili biddlittli ħajti, biddlitli ħajti għall aħjar, għallmitni biex ma naqtax qalbi mill-problemi tal-ħajja u biex nitgħallem ngħix il-ħajja b’imħabba u ferħ.”
Gillian qalet li t-telfa ta’ Angie fissret ħafna emozzjonijiet u ħafna uġiegħ ta’ qalb. “Tlift waħda mill-aktar persuni li kelli għal qalbi, Angie għamlet li setgħet biex tibqa magħna u tferraħna, iżda issa naf li Angie tista’ tistriħ mingħajr tbatija. Aħna issa nistgħu nibku t-telfa u l-vojt li ser tħalli warajha, iżda fil-fond ta’ qalbi, naf li Angie tinsab aħjar.
L-akbar ħabiba ta’ Angie qalet li hija traġedja li weġġatna ħafna, traġedja li ħallitna naraw lill-għażiża tagħna Angie għaddejja minn tbatijiet kbar imma issa mhux se naħseb aktar fit-tbatija li kienet għaddejja minnha, illum se naħseb li Angie ser tkun qed tħarisna mis-sema u tgħinna biex ngħixu ħajja b’aktar kuraġġ.”
//= $special ?>