Lokali

Passiġġier barrani jikkawża storbju fuq titjira tal-Air Malta

Maltarightnow.com hu infurmat li l-bdott tat-titjira tal-Air Malta KM613 tal-Ħadd wara nofsinhar talab l-assistenza tal-Pulizija hekk kif kien se jtemm it-titjira minn Ruma għal Malta. Il-bdott rraporta li abbord l-ajruplan kien hemm passiġier Rumen li kien qed idejjaq passiġieri oħra u jagħmel l-istorbju fuq l-ajruplan. Kien rappurtat li l-passiġier Rumen l-ewwel beda argument mat-tfajla tiegħu, ukoll ta’ nazzjonalità Rumena, u wara beda anke jdejjaq passiġieri li kienu bil-qegħda quddiemu. L-informazzjoni li għandu dan il-ġurnal tgħid ukoll li f’ħin minnhom l-passiġier mar fit-toilet tal-irġiel u beda jagħti daqqiet fuq il-bieb.

Maltarightnow.com hu infurmat li l-passigier kien xtara alkohol mill-ajruport qabel it-titjira u kien xurban waqt it-titjira. Jidher li l-passiġier Rumen qal li hu jibża’ ħafna minn titjiriet bl-ajru imma minħabba li ma kienx qed jaħdem il-katamaran minn Sqallija għal Malta, it-tfajla tiegħu insistiet li jaqbdu ajruplan. L-informazzjoni li għandu dan il-ġurnal tgħid li l-passigier Rumen qal li minħabba l-biża’ mill-ajru hu xorob l-whiskey izda ma jiftakarx li kkawża storbju u dejjaq passiġieri fuq l-ajruplan.
Mat-tmiem tat-titjira, il-Pulizija marru abbord l-ajruplan u ħadu lill-passiġier magħhom ghall-investigazzjoni.