Futbol Sport

Pearson jirrifjuta li jikkummenta fuq il-kariga tiegħu

Il-manager ta’ Leicester City Nigel Pearson irrifjuta li jiddiskuti xnigħat li kien tkeċċa mill-kariga l-Ħadd filgħaxija.
Rapporti fil-media ssuġġerew li kien tilef postu imma l-klabb qal li x-xnigħat “ma kienux eżatti u mingħajr bażi.”
“Għamlu stqarrija u m’għandi xejn xi ngħid,” qal Pearson li t-tim tiegħu illum jilgħab kontra Arsenal.

Pearson ipprova wkoll jgħatti l-inċident li kellu ma’ James McArthur ta’ Crystal Palace u waqt li sejjaħlu bħala ‘battibekk żgħir’ qal li dan issa għadda.

Pearson kellu argument mal-midfielder tal-Eagles McArthur fit-telfa 1-0 tas-Sibt, riżultat li ħalla lit-tim mil-Lvant tal-Midlands fl-aħħar post tal-Premier League.

Wara l-logħba x-xnigħat dwar il-kowċ ta’ 51 sena komplew jikbru qabel il-klabb ħareġ stqarrija fil-11 p.m. il-Ħadd, fejn qal li kien għadu fil-kariga.

“Nigel, l-istaff tiegħu u l-iskwadra kollha jinsabu kompletament iffukati fuq il-logħba tat-Tlieta għand Arsenal u l-isforzi kontinwi tagħna li nżommu postna fil-Premier,” żied jgħid il-klabb.

Waqt li kien qed jitkellem f’konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ, Pearson, li mexxa lil Leicester lejn il-promozzjoni l-istaġun li għadda, qal li kellu “konverżazzjoni” dwar il-kariga tiegħu imma ma riedx jiżvela aktar dettalji.

“Meta jkolli xi ngħid nagħmel dan bil-mod approprjat lill-persuni approprjati.”

Is-Sibt, l-eks manager ta’ Southampton u Hull City kien imtajjar minn fuq it-touchline minn McArthur li kien twaqqa’ wara li pprova jidħol għall-ballun ma’ Marc Albright.

Għall-ewwel deher li kemm Pearosn kif ukoll McArthur kienu se jinjoraw l-inċident anke wara li l-manager tal-Foxes biexjiċċajta qabad lil McArthur minn għonqu qabel għenu jqum. Imma din aktar dehret li saret qisha konfrontazzjoni fejn żamm lil Pearson milli jidħol fil-pitch billi ġibdu mill-flokk.

Mistoqsi wara l-logħba għalfejn ġibed lil McArthur, Pearson qal, “Għaliex qalli xi ħaġa. M’għandi għalfejn niżvela xejn. Kapaċi nieħu ħsieb tiegħi innifsi. M’hemmx problemi mal-plejer,” qal Pearson.