Internazzjonali

Putin jgħid li l-Punent jaħti għall-kriżi tal-Ukrajna

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin akkuża lill-Punent bħala ‘l-kaġun tal-kriżi fl-Ukrajna’. Putin, li kien qed ikellem lill-istampa waqt żjara fl-Eġittu, sostna li l-pajjiżi tal-Punent kisru l-wiegħdiet biex ma jespandux l-Alleanza tan-NATO u joħolqu sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jridu jagħżlu bejnhom u Moska.

Fil-preżent, il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, jinsab taħt pressjoni biex jaddotta pożizzjoni aktar iebsa kontra r-Russja minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, fejn għaddej il-ġlied bejn qawwiet tal-Gvern u s-separatisti li jridu l-għaqda ma’ Moska.

Sadanittant, Vladimir Putin qed jaħdem fuq il-proposti ta’ Franza u l-Ġermanja biex jieqfu l-battalji, fl-Ukrajna, li swew il-ħajja ta’ eluf tan-nies fir-reġjuni tal-Lvant.

Intant, feġġew ukoll it-tamiet għall-paċi meta għada, fil-Belarus, mistenni jsir summit għan-naħat involuti fil-kriżi tal-Ukrajna u l-pajjiżi medjaturi. Is-summit, fl-istess ħin, jiddependi minn qbil minn qabel dwar id-dettalji relevanti.