Lokali Qorti

Raġel ieħor il-qorti b’rabta ma’ l-isparatatura fl-Iklin

Wara li nhar il-Ħadd li għadda fil-Qorti l-Pulizija ressqet raġel b’konnessjoni mal-isparatura ħdejn uffiċċju ta’ avukat fl-Iklin, illum tressaq raġel ieħor b’rabta mal-każ.

David Vella ta’ 36 sena mill-Gżira, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Anthony Vella li nhar il-Ġimgħa li għadda, għall-ħabta tad-9.00 p.m. fl-Iklin, ipprova jikkaġuna ferita gravi fuq Christopher Schembri, li heddu u li beżżgħu.

Huwa ġie mixli wkoll li kkommetta serqa b’dannu għal Yanika Zahra u E&S Consultancy Limited, li ġarr arma mingħajr permess tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubbliku b’għajjat u storbju, li qal dagħa fil-pubbliku u li wettaq ir-reat meta fil-konfront tiegħu hemm sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati datata 14 ta’ Ġunju 2012.

Vella wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjuba, pero l-avukati tiegħu Jason Azzopardi u Kris Busietta ma talbux għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Carlos Cordina u Nicholas Vella, l-istess uffiċjali li lbieraħ ressqu lill-istess Schembri, distributur tal-“fuel”, u akkużawh li beżża’ lil Vella u heddu kif ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Huwa wkoll baqa’ miżmum taħt arrest.

Skont il-prosekuzzjoni, ż-żewġt irġiel għandhom problemi bejniethom fuq flus li jridu jingħataw lill-kumpanija AC Fuels. Iż-żewġ persuni mistennija jgħaddu kumpilazzjonio b’mod separat fil-jiem li ġejjin.