Internazzjonali

Filmat: Sigurtà intensiva f’Marsilja wara sparatura li seta’ kellha skop terroristiku

Il-qawwiet tas-sigurtà Franċiżi jinsabu fuq stat ta’ allert fil-belt ta’ Marsilja wara li persuni mgħammdin sparaw fuq il-pulizija waqt azzjoni li jaħsbu li seta’ kellha skopijiet terroristiċi.

L-isparatura seħħet fiz-zona ta’ La Castellane li tinkludi housing estate u meta jaħsbu li l-aggressuri kienu qed jimmiraw għall-Kap tal-Pulizija lokali, Pierre-Marie Bourniquel, li kellu jiltaqa’ f’din il-belt mal-Prim Ministru ta’ Franza, Manuel Valls.

Hu mifhum li persuni armati bl-azzarini Kalashnikov fetħu n-nar fuq il-pulizija f’Marsilja ftit qabel il-laqgħa pprogrammata ta’ Manuel Valls mal-Kap tal-Pulizija.

Intant, il-pulizija qed iżommu preżenza sostanzjali f’dan il-kwartier ta’ Marsilja fejn qed iwaqqfu l-karozzi minbarra li jippersistu bit-tfittxija għall-aggressuri minn dar għall-oħra.

Is-sobborgi ta’ Franza, fejn jgħixu ħafna fost il-popolazzjoni Musulmana ta’ miljuni, ilhom suġġetti għal dibattitu mindu f’Pariġi, jiem ilu, daħlu żewġ terroristi fl-uffiċini tal-ġurnal satiriku, Charlie Hebdo, u mmassakraw il-membri tal-istaff li sabu quddiemhom.