Il-midfielder ta’ Manchester City u Ivory Coast Yaya Toure ddeskriva r-rebħa tat-Tazza tan-nazzjonijiet Afrikani bħala waħda “inkredibbli” wara li l-‘Iljunfanti’ għelbu lil Ghana f’finali drammatika bil-penalties.
Il-gowlkiper Boubacar Barry skorja l-penalty deċiżiv biex issiġilla r-rebħa 9-8 bil-penalties wara li l-finali kienet intemmet 0-0 anke wara l-ħin barrani.
Toure li rebaħ il-Premier League ma’ City l-istaġun li għadda qal, “Meta tirbaħ mal-klabb hi xi ħaġa sabiħa ħafna imma meta tirbaħ ma’ pajjiżek hu nkredibbli.”
L-uniku suċċess ieħor ta’ Ivory Coast fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani wara fl-1992 meta wkoll kienu jiltaqgħu kontra Ghana fil-finali u rebħulhom bil-penalties.
Dakinhar l-Ivorjani kienu rebħu 11-10 wara draw ieħor mingħajr gowls imma din id-darba kienu s-saves tal-gowlkiper Barry li waqqfu l-logħba qabel ingħataw daqstant penalties.
Bil-penalties imorru għall-eliminazzjoni diretta, Barry l-ewwel salva l-penalty tal-gowlkiper ta’ Ghana Brimah Razak imbagħad skorja hu stess dak deċiżiv f’Estadio de Bata fil-Guinea Ekwatorjali.
Dan irriżulta f’suċċess storiku għal Herve Renard li b’hekk sar l-ewwel kowċ li rebaħ darbtejn it-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani ma’ żewġ pajjiżi differenti wara s-suċċess li kellu ma’ Żambja fl-2012.
“Mingħajr il-kowċ ma konna nirbħu xejn. Għamel l-affarijiet diffiċli għalija. Qalli li jekk ma kontx se niġri kien se jneħħini mit-tim. Hu bniedem fantastiku.”
It-telfa għall-kowċ tal-Ghana Avram Grant reġgħet ġeddet il-memorji tal-final taċ-Champions League tal-2008 meta dakinhar it-tim tiegħu ta’ Chelsea kien tilef 6-5 bil-penalties kontra Manchester United b’John Terry jiżloq u jolqot il-lasta mill-penalty tiegħu.
Mistoqsi jekk jaħsibx li kellu xi magħmul fuqu, Grant qal, “Ma nemminx f’dawn l-affarijiet. Ġurnata qabel il-final għamilna sessjoni ta’ penalties imma din mhux l-istess bħal, meta tkun se ttihom quddiem il-partitarji. Iż-żewġ timijiet tajna 11-il pernalty, li jfisser li bqajna sejrin sal-gowlkipers,” qal Grant.
//= $special ?>

