Lokali

Twissija: Tagħfasx fuq filmati ta’ pornografija fuq Facebook

Fuq Facebook qed jixterdu filmati pornografiċi fuq profili ta’ numru kbir ta’ persuni. Imma attenti! Dan m’hu xejn ħlief dak li jissejjaħ bħala malware, jew tip ta’ virus.

Fl-aħħar jiem filfatt kienu ħafna l-persuni li fuq il-profil tagħhom fuq Facebook intortament spiċċaw b’dawn is-suppost filmati pornografiċi; minn persuni kwalunkwe sa politiċi u persuni rinomati oħra f’pajjiżna.

Agħar minn hekk, l-istampi grafiċi li juru dawn il-filmati qed jispiċċaw jarawhom ukoll tfal tħt l-eta.

Li jiġri hu li persuna li jkun ittentat mill-kurżita’ li jara dawn il-filmati, jagħfas fuq il-link u mingħajr ma jkollu l-ebda kontroll, jispiċċa jxerred dawn il-filmati fuq il-profili ta’ sħabu wkoll.

F’xi każi, min jagħfas fuq dawn il-links qed jintalab jagħfas share biex jara l-filmat sħiħ, jew inkella biex jinstalla xi programm. Dawn m’huma xejn ħlief tattiċi użati biex il-filmat ikompli jinxtered.

Fl-ewwel jumejn mindu beda dan il-malware fuq Facebook, hu rrapurtat li ġew affettwati mal-110,000 profil ta’ Facebook.

Din mhix l-ewwel darba li qed jinxterdu filmati b’tattiċi qarrieqa bħal dawn. Fl-2014 bdew jixterdu filmati taparsi minn Youtube, imma li fil-verita’ ma kienu xejn ħlief malware.