Lokali

Defiċit ta’ eluf kbar u s-Sindku jdur b’xufier u karozza tal-kunsill

Filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar akkumula defiċit qawwi, hekk kif irriżulta mir-rapport tal-Awditur Ġenerali, l-istess kunsill għandu tliet karozzi li nxtraw bl-iskop li jintużaw għal xogħlijiet tal-kunsill.

Madankollu waħda minn dawn il-karozzi, tat-tip Peugeot, qed tintuża wkoll bħala l-karozza tas-Sindku, mhux biss f’affarijiet relatati max-xogħol tal-kunsill. Filfatt ritratti li waslu għand dan is-sit juru l-karozza barra l-Knisja ta’ San Pawl il-Baħar, fejn is-Sindku kellu bżonn jattendi għal funeral. Din il-karozza dehret iddur fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar ankè matul il-lejl.

Dan minbarra li s-Sindku qed juża din il-karozza għal numru ta’ okkażjonijiet oħra, bix-xufier jibqa’ jistennieh. Ix-xufier hu Jason Camilleri, eks Kunsillier Laburista f’San Pawl il-Baħar li rriżenja f’Awwissu, 2013 u li qieghed jitħallas mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar.

Dan wara li kien rebaħ tender tal-Kunsill Lokali bħala Council Supervisor waqt li kien qed jokkupa l-kariga ta’ kunsillier, fuq liema materja l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ġie mwissi mill-Bord ta’ Governanza Lokali. Minħabba li l-liġi ma tippermettix li kunsillier jieħu wkoll tender fl-istess Kunsill, minflok dan ġie mpjegat mal-Kunsill Laburista ta’ San Pawl il-Baħar bħala skrivan wara li rriżenja.

Dakinhar, fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għal skrivan, mar-rekwiżiti li għandu jkollu min japplika għall-post ta’ skrivan żdiedet il-ħtieġa li min japplika għandu jkollu liċenzja speċjali tas-sewqan.

Minkejja li Jason Camilleri qiegħed fi skala ta’ paga baxxa ħafna, fil-verita’ qed idaħħal somma sostanzjali minħabba li qed itella’ ammont ta’ overtime, li mhux bżonnu u li fil-verita’ minnu r-residenti m’huma jiggwadanjaw xejn.

Is-Sindku, għalkemm għandu allowance għall-ispejjeż, qiegħed jagħżel li juża l-flus tal-Kunsill u b’hekk ikompli jżid in-nefqa tal-istess kunsill. Il-flus minfuqa fil-petrol u fil-ħlas ta’ dan ix-xufier jistgħu faċilment jintużaw biex ir-resident ikun moqdi aħjar fuq ħtiġijiet essenzjali bħal toroq u bankini.