Lokali Unjoni Ewropea Xjenza u Teknoloġija

FILMAT: Ħarsien tal-propjeta intelletwali tfisser suq aktar kreattiv li joħloq xogħol aħjar – Therese Comodini Cachia

“L-innovazzjoni u l-kreattivita iġġib tkabbir ekonomiku u opportunitajiet tax-xogħol. Hemm bzonn mezz ta´ protezzjoni aktar effettiv sabiex jinkoraġġixxi zvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda frott ta’ dan l-investiment fl-ideat. F´era diġitali huwa ukoll importanti nikkunsidraw aċċessabilita’ faċli izda li ma xxekkilx il-kreazzjoni”.

Hekk saħqet Comodini Cachia waqt id-dibattitu fil-Parlament Ewropew rigward id-drittijiet tal-propjeta intellettwali.

Dan id-dibattitu segwa ħidma koordinata mill-Kumitat tal-Affarijiet Legali li fih l-MEP Comodini Cachia hija membru.

L-MEP Comodini Cachia tinsab inkarigata mit-tħejjija tal-pozizzjoni tal-Partit Popolari Ewropew fuq rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva li tittratta qafas komuni leġizlattiv fuq id-drittijiet intellettwali wara li ftit ġimghat ilu giet appuntata bħala rapporteur mill-istess partit.

F´Settembru 2014 l-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp ta´esperti sabiex jaħdmu fuq l-infurzar ta´ dawn id-drittijiet li jikkostitwixxu proprjeta intelletwali. Dan wara li sa mis-sena 2012 l-Unjoni Ewropea waqqfet aġenzija sabiex taħdem fuq dan l-infurzar u kontra l-vjolazzjoni ta’ l-istess drittijiet.

Filwaqt li sejħet għal kooperazzjoni aktar b’saħħita bejn l-esperti, l-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea, l-aġenziji Ewropej u l-Parlament, Comodini Cachia irrimarkat li m’għandux ikun hemm duplikazzjoni jew frammentazzjoni tal-ħidma f´dan is-settur.

Permezz ta’ din il-kooperazzjoni, hija saħqet, l-UE tkun tista sservi ta’ xprun fl-ippuljar ta´rizorsi, informazzjoni u ideat lejn ekonomija kreattiva li ttejjeb il-kompetittivita tas-suq intern u toħloq aktar xogħol ta’ kwalita’ fil-Membri Stati.