Edukazzjoni Lokali

Filmat: Uffiċjali mill-Ministeru jindaħlu f’kwistjoni bejn ġenitur u skola – l-MUT tirreaġixxi

Jidher issa li f’każijiet fejn ġenitur ikollu diżgwid mal-Uffiċjali ta’ skola, dan il-ġenitur jista’ imur ikellem Uffiċjali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u dawn jieħdu s-sitwazzjoni f’idejhom. Sitwazzjoni li ġrat fl-aħħar jiem u li l-Union tal-Għalliema, l-MUT, ikkundannat u ddeskrivieta bħala ‘inaċċettabbli’.

Fl-aħħar jiem il-Union tal-Għalliema Maltin (MUT) ilmentat permezz ta’ ittra, mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, imexxi mill-Ministru Evarist Bartolo, dwar każ fejn żewġ Uffiċjali tal-Ministeru ndaħlu fi kwistjoni bejn ġenitur u Uffiċjali ta’ skola partikolari.

Fl-ittra tagħha l-MUT spjegat li hu inaċċettabli li Uffiċjali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni jindaħlu f’sitwazzjonijiet bħal dawn u li l-istess uffiċjali ppruvaw jinfluwenzaw deċiżjoni ta’ skola biex takkomoda lill-ġenitur ta’ student.

MaltaRightNow.com ħa l-kummenti ta’ Kevin Bonello, l-President tal-MUT (ara l-filmat)

Kevin Bonello spjega li r-risposta minn naħa tal-Ministeru għall-ittra li l-MUT bagħtet kienet tgħid li l-Ministeru jiċħad dan il-każ.

Kevin Bonello spjega wkoll kif din ma kinitx l-ewwel darba li l-Union tal-Għalliema, l-MUT, ġibdet l-attenzjoni tal-Ministeru dwar każijiet simili u li f’każijiet bħal dawn żgur m’għandhomx ikunu Uffiċjali tal-Ministeru li jindaħlu.