Internazzjonali

Ikompli l-kunflitt tal-Ukrajna madwar il-belt ta’ Debaltseve

Il-konflitt tal-Ukrajna qed ikompli, bir-ribelli separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja jistqarru li fl-aħħar sigħat irnexxielhom jiċċirkondaw il-belt ta’ Debaltseve li għandha importanza strateġika kbira.

Mill-banda l-oħra, il-qawwiet tal-Gvern tal-Ukrajna qalu li kienu għadhom qed jirreżistu l-offensiva tar-ribelli fi triq ewlenija ftit ‘il barra mill-belt. Dan meta s-sitwazzjoni tidher qed tikkomplika ruħha qabel il-laqgħa li għandha ssir għada fil-Belarus bejn ir-rappreżentanti tal-Ukrajna, r-Russja, l-Ġermanja u Franza li se jiddiskutu l-proposti għall-paċi fit-territorji Ukreni.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li battaljun ta’ ġellieda voluntiera li qed jappoġġja lill-Gvern Ukren wettaq kontra-attakk kontra r-ribelli separatisti madwar il-belt ta’ Mariupol, fil-Lvant tal-Ukrajna. Ingħad ukoll li dawn il-voluntiera ħadu f’idejhom numru ta’ villaġġi wara l-ġlied qalil mas-separatisti.