Kultura Lokali Xjenza u Teknoloġija

Il-Fondazzjoni HSBC tagħti sehemha għal narrattiva storika ġdida mill-Arkivju Nutarili

Id-dokumenti storiċi tal-Arkivju Nutarili, bil-mod il-mod, qed jagħtuna stampa ġdida ta’ Malta f’dawn l-aħħar 600 sena. Ir-restawraturi ta’ dan l-Arkivju fil-Belt, qed jgħaqqdu flimkien, paġna paġna u biċċa biċċa, manuskritti mill-aktar interessanti tal-ħajja Maltija ta’ kuljum u tal-ħajja tal-portijiet ta’ madwarha tul is-snin.

Dawn id-dokumenti storiċi jinfirxu fuq medda ta’ madwar żewġ kilometri ta’ xkafef, u hu stmat li meħtieġa aktar minn mitt sena ta’ xogħol ta’ restawr. Fl-istess waqt, fl-aħħar 16-il xahar kien hemm progress kbir fil-ħidma tal-voluntiera tal-Arkivju Nutarili, ilkoll impenjati biex jikkonservaw din il-ħażna sabiħa u kruċjali ta’ dokumenti għall-istorja ta’ Malta.

Dr Joan Abela, membru tal-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Nutarili, qalet: “Li kieku ma kienx għal diversi voluntiera mill-bank HSBC Malta, żgur li ma konniex nagħmlu l-progress li għamilna. Ukoll, bis-saħħa tal-€100,000 f’għajnuna finanzjarja mill-Fondazzjoni HSBC, bdejna l-proġett ta’ konservazzjoni ta’ dawn id-dokumenti storiċi importanti. L-għajnuna tagħhom kellha riżultat pożittiv ħafna.”

Il-membri tal-istaff tal-HSBC Malta regolarment joffru ħinhom, b’mod volontarju, biex jgħinu lill-konservaturi tal-karta li qed jaħdmu fuq dan il-proġett fl-Arkivju Nutarili fi Triq San Kristofru, il-Belt. Fl-2014 aktar minn 150 impjegat tal-Bank taw sehemhom b’mod volontarju, waqt li fl-2013 kien hemm 100 oħra li għamlu ħidma volontarja.

Sadattant, il-Proġett tad-Diġitalizzazzjoni tal-Arkivju, li għaddej bħalissa wkoll bl-għajnuna tal-impjegati tal-HSBC Malta, qed jgħin fil-preservazzjoni fit-tul tad-dokumenti u qed iżid ukoll, b’mod sinifikanti, l-aċċess pubbliku għal minjiera ta’ informazzjoni nutarili. Dan ix-xogħol hu parti mill-impenn tal-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Nutarili li jibdel dan ir-repożitorju importanti ta’ dokumenti f’ċentru ewlieni għall-istudju storiku ta’ Malta u l-Mediterran.