Sport Sport Ieħor

Il-GP tal-Ingilterra din is-sena se jsir f’Silverstone

MOTOGP: Donington Park ta sehemu fi ftehim ma’ Circuit of Wales biex din is-sena jorganizzaw il-MotoGp Britanniku.

Is-Circuit of wales b’sorpriża rebaħ il-kuntratt tal-MotoGP Britanniku mingħand Silverstone, imma x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq kumpless ta’ 830 tomna, għad irid jibda u għalhekk irid jinstab post alternattiv għal dan l-istaġun.

Għalkemm ħafna kienu bassru sena oħra f’Silverstone, is-Circuit of Wales minfl;ok ħabbar ftehim ma’ Donington Park li kien organizza l-GP tal-Muturi Britanniku bejn l-1987 u l-2009.
Imma dak il-ftehim issa spiċċa.

Stqarrija minn Donington Park qalet, “Il-kumpannija Circuit of Wales u s-sussidjarja l-ġdida tagħha GP15 Limited, s’issa għadhom ma kienux kapaċi jitterminaw il-ftehim ma’ DPRL (Donington Park) u lanqas ma laħqu d-data stipulata ta’ pagamenti biex din l-operazzjoni tista’ tibda taħdem fil-GP Britanniku tal-2015 u l-MotoGP jsir f’Donington Park.”

L-istqarrija tkompli, “Is-sitwazzjoni llum fl-10 ta’ Frar 2015 hi ċara ħafna. Minkejja l-isforzi kollha ta’ SDPRL il-ħin mitluf ma’ Co” (Circuit of Wales) li ma kienux kapaċi jsibu l-fondi li dwarhom kien hemm ftehim, wassal f’dewmien fi kważi l-avvenimenti kollha importanti, minn ħidma fiċ-ċirkwit sa apparat.

Għalhekk Donington Park irid jirtira milli jkompli jipparteċipa. Kaġun ta’ dan, ir-round tal-MotoGP Britanniku mill-Kampjonat tal-FIM 2015, mhux se jsir f’Donington fit-30 ta’ Awwissu 2015.”

Intqal li dawk li laħqu xtraw il-biljetti għal Donington Park se jkunu qed jirċievu l-flus kollha lura fi żmien għaxart’ijiem.

Is-Circuit of Wales għandu kuntratt ta’ ħames snin biex jorganizza r-round tal-MotoGP tar-Renju Unit bl-ewwel wieħed fl-2015. Imma issa b’Donington barra u s-CoW għad irid jibda l-ħidma, Silverstone hu l-uniku ċirkwit fir-Renju Unit li jista’ jorganizza t-tiġrija din is-sena.

“Għamilna dik li naħsbu li hi l-aktar offerta sensibbli biex inżomu Silverstone imma jidher li Circuit of Wales, li m’għandhomx esperjenza kif imexxu Grand Prix, ikkonkludew li kapaċi jagħmlu biċċa xogħol aħjar jekk jorganizzaw kollox huma u jużaw Donington sakemm iċ-ċirkwit ikun lest,” kien qal id-diretur maniġerjali ta’ Silverstone Richard Phillips fi żmien il-ftehim ta’ Donington.

Ritratt: Donington Park ħassar il-ftehim li kellu għall-MotoGP tar-Renju Unit