Internazzjonali

Il-Greċja tista’ tikseb il-fondi mingħand ‘sorsi oħra’

Il-Ministru tad-Difiża tal-Greċja, Panos Kammenos, qal li pajjiżu jista’ jirrikorri lejn l-Istati Uniti, ir-Russja jew iċ-Ċina jekk kemm il-darba jfalli milli jikseb ftehim ġdid dwar id-dejn maz-zona ewro.

Kammenos, li jmexxi l-Indipendenti Griegi msieħba fil-koalizzjoni tal-Prim Ministru, Alexis Tsipras, qal li l-Greċja għandha l-obbligu li tmur għall-‘Pjan B’ fir-rigward tad-dejn u f’każ li l-proposti ta’ Ateni jkunu miċħuda.

Il-Greċja, fis-sigħat li ġejjin, se tippreżenta l-każ għal ftehim ġdid li jirrigwarda l-obbligi tagħha fuq id-dejn mal-kredituri internazzjonali. Dan għandu jsir waqt laqgħa għall-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro, fi Brussell.

Filwaqt li l-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ċaħdu l-isforzi ta’ Tsipras u l-kollegi tiegħu biex jinnegozjaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-bailout, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qed tistenna biex tara jekk il-Greċja ‘tressaqx il-proposti sostenibbli fuq il-mejda’.