Lokali

IL-ĠURNALI DALGĦODU

Ħarsa lejn il-ġurnali ppubblikati llum, l-10 ta’ Frar 2015.

IN-NAZZJON b’rapport estensiv li jkompli fil-paġni ta’ ġewwa dwar id-dibattitu li sar fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija li matulu ġiet diskussa l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li sejjħet lill-Gvern biex iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel. Fil-faċċata jidher ukoll ritratt antik tal-istatwa titulari ta’ San Pawl tal-Belt, hekk kif illum f’Malta hu jum Nazzjonali, dak li jfakkar il-miġja tal-fidi f’Malta minn San Pawl Nawfragu.

L-ORIZZONT b’rapport li jgħid li fl-Isvizzera hemm €606 miljun Maltin. Rapport ukoll dwar dak li ġie diskuss f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dwar il-hedging tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

TIMES OF MALTA b’rapport ewlieni dwar il-każ tal-HSBC, li dwaru dan l-aħħar ġie rappurtat li eluf ta’ persuni kienu qed jużaw il-bank HSBC fl-Isvizzera biex jevadu t-taxxa f’pajjiżhom, fosthom Maltin. Dwar dan, Times of Malta tirraporta li l-awtoritajiet Maltin se jkunu qed jitolbu għal informazzjoni neċessarja. Fil-faċċata ta’ The Times of Malta jidher ukoll ritratt ta’ Angie Bajada, omm ta’ 24 sena li mietet wara li kienet f’koma għal ħames snin sħaħ. Rapport ukoll dwar deċiżjoni tal-Qorti – li ħelset żewġt irġiel minn akkuża li serqu ġugarelli – deċiżjoni li ngħatat 23 sena wara.

THE MALTA INDEPENDENT bir-rapport ewlieni wkoll ikun dwar il-każ tal-HSBC u kif Tancred Tabone huwa msemmi bħala persuna li għandu kont mal-bank HSBC fl-Isvizzera. Tirrapporta lil Tabone jgħid li l-affarijiet tiegħu huma skont il-liġi. Rapport fil-faċċata dwar id-dibattitu fil-Parlament dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.