Il-mexxej tal-Istat Iżlamiku Abu Bakr al-Baghdadi hu mwerwer li jinqatel wara li fl-aħħar jiem inqatlu eluf ta’ ġellieda tiegħu f’sensiela ta’ attakki mill-ajru mill-Ġordan. Qal dan il-Ġeneral Maġġur tal-armata tal-Ġordan Mansour al-Jabour.
“al-Baghdadi hu mwerwer wara dak li għamilna bħala armata fl-aħħar tlett ijiem. Hu dejjem mistoħbi, dejjem jiċċaqlaq minn post għall-ieħor bil-biża’ li nattakkawh, imma aħna lesti, għandna l-mezzi fl-ajru biex mal-ewwel ċans nibbumbardjaw lilu u lil ta’ madwaru. Mhux se naħsbuha darbtejn biex neqirduh,” għamilha ċara l-Ġeneral al-Jabour.
al-Jabour kompla li l-ajruplani tal-Ġordan wettqu 56 raid fi tlett ijiem, li permezz tagħhom qatlu mas-7,000 ġellied tal-ISIS. Inqatlu wkoll numru konsiderevoli ta’ Kmandanti tal-ISIS, bil-konsegwenza li l-grupp tilef ħafna esperjenza militari.
L-attakki tal-aħħar jiem qed inisslu biża’ kbira fost il-ġellieda tal-ISIS, b’mod speċjali dawk barranin. Hu rrapurtat li mijiet ta’ ġellieda qed jippruvaw jaħarbu, kemm minħabba dawn l-attakki mill-ajru kif ukoll minħabba l-ħruxija esaġerata tal-ISIS.
Filfatt l-ISIS hu rrapurtat li għandu nuqqas kbir ta’ suicide bombers minħabba li dawn qasmu lejn milizzji rivali fost il-biża’ tagħhom. Dan wassal biex fallew numru ta’ missjonijiet terroristiċi tal-istess grupp.
Dan wassal biex l-ISIS qed iwaqqfu u jiċċekkjaw persuni li jkunu qed iħallu l-belt ta’ Raqqa, il-belt kapitali tal-ISIS fis-Sirja, biex ikunu ċerti li dawn ma jkunux persuni li abbandunaw il-missjonijiet tagħhom, kif ordnat mill-ISIS.
//= $special ?>