Lokali

Jekk jogħġbok tgħaffiġnix!

Ta’ spiss tgħaddi minn xi triq bil-karozza u tkun se ttajjar xi qanfud, jew saħansitra tara xi qanfud mgħaffeġ.

Grazzi għal sinjali ġodda li twaħħlu fit-toroq, is-sewwieqa tal-karozzi qed ikunu avżati meta jkunu għaddejjin minn ċerti nħawi fejn ikun hemm il-qniefed.Il-qniefed huma tip ta’ annimali importanti għall-gżira Maltija, tant li saħansitra huma speċi protetta bil-liġi.

Magħruf bħala qanfud Alġerin jew qanfud tal-Afrika ta’ Fuq, il-qniefed huma ta’ razza Maltija u m’għandhomx min jattakahom. Madankollu l-ikbar għadu tal-qniefed huma l-karozzi. B’kollox qed jitwaħħlu 60 sinjal fit-toroq ta’ Malta u Għawdex.

Is-sinjali jifformaw parti minn proġett ikbar ta’ Nature Trust li jinkludi kampanja ‘adotta qanfud’ għal ġbir ta’ fondi biex tkopri l-ispejjeż għall-kura u r-riabilitazzjoni tal-qniefed li jweġġgħu jew oħrajn li jispiċċaw orfni. Il-qniefed li jkunu riabilitati jerġgħu jitpoġġew mill-ġdid fl-ambjent naturali tagħhom minn Nature Trust.

Biex issalva qanfud, il-hotline hi: 9999 9505. Biex taddotta qanfud, it-tagħrif jista’ jinkiseb minn: adoptahedgehogmalta@gmail.com.

Dan il-proġett ġdid ta’ Nature Trust qed ikun sponsorjat mill-HSBC Malta Foundation u għandu l-għan li jipproteġi dawn l-annimali żgħar.