Il-Gvern qed jipprova jinċentiva t-tkabbir tal-industrija tal-kostruzzjoni a skapitu tal-ambjent, permezz tal-MEPA li suppost għandha tħares il-liġijiet ambjentali u tal-ippjanar u mhux toffri amnestija lil min iwettaq illegalitajiet.
Saħqet dan koalizzjoni ta’ għaqdiet ambjentali li ngħaqdu flimkien u qed jesiġu li tingħata spjegazzjoni mill-MEPA dwar proposta li tingħata amnestija biex jiġu sanzjonati irregolaritajiet tal-iżvilupp.
Din il-proposta tal-MEPA taffettwa kemm żvilupp f’żoni urbani kif ukoll dawk barra mill-konfini tal-iżvilupp, jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala ODZ. Skont il-MEPA, din l-amnestija tolqot lil 10,000 każ, li ma jinkludux rapporti li saru dwar illegalitajiet imma li dwarhom qatt ma ttieħdet azzjoni.
L-għaqdiet ambjentali qalu li din il-miżura hi biss ammissjoni ta’ falliment fejn jidħol l-ambjent u djufija fejn jidħlu l-abbużi. L-għaqdiet ambjentali qalu li l-legalizzazzjoni ta’ rregolaritajiet ta’ żvilupp se twassal biex issa jsir legali li l-poplu jiċċaħħad minn postijiet pubbliċi fil-kampanja.
“Xejn mhu iktar faċli milli tirregolarizza l-illegalitajiet minflok il-MEPA tieħu azzjoni. Kif jista’ wieħed jafda fil-MEPA li tieħu azzjoni fuq żviluppi kbar, meta issa qed tillegalizza l-ksur tal-liġi?”
L-għaqdiet ambjentali qed jappellaw lill-MEPA biex tippublika r-rapporti tagħha għala għandhom jinħarġu dawn l-amnestiji u x’se jkun l-impatt ta’ din il-miżura f’dik li hi kredibilta’, akkontabilta’ u regolamentazzjoni.
Appellaw ukoll biex ikunu ppublikati studji xjentifiċi dwar l-impatt ta’ dawn l-irregolaritajiet, kemm fuq dak li hemm li hu mpatt ambjentali, dak soċjali kif ukoll kulturali u ekonomiku.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers, Din l-Art Ħelwa, il-Moviment Malti tal-Agrikultura Organika, Żminijietna, Nature Trust Malta u s-Soċjeta’ Maltija kontra l-Istorbju.
Dan minbarra numru ta’ figuri ewlenin fil-qasam tal-ambjent, fosthom Alfred Baldacchino, Carmel Cacopardo, Marco Cremona u Mario Fsadni.
//= $special ?>