Lokali

Waħda minn żewġ karreġjati fi Triq ix-Xatt fil-Gżira se ssir ‘bus-lane’

Il-‘bus-lane’ f’Tas-Sliema se tkun estiża għal matul Triq ix-Xatt fil-Gżira. Dan effettivament ifisser li minn żewġ karreġjati f’Triq ix-Xatt fil-Gżira (direzzjoni lejn Manoel Island), issa se jkun fadal karreġjata waħda biss għall-vetturi privati.

Fi stqarrija maħruġa minn Transport Malta ntqal li d-deċiżjoni li ssir ‘bus-lane’ fi Triq ix-Xatt (direzzjoni lejn Manoel Island) saret wara li kien deċiż li karreġjata waħda fid-direzzjoni lejn Manoel Island hija biżżejjed biex tlaħħaq mat-traffiku li jgħaddi minn din it-triq.

Dan ifisser li minn żewġ karreġjati, dejjem fid-direzzjoni lejn Manoel Island, issa waħda minnhom se tinbidel f”bus-lane’.

Skont Transport Malta dan se jnaqqas il-periklu li bħalissa jeżisti qrib Manoel Island, meta ż-żewġ karreġjati jidħlu f’xulxin għal karreġjata waħda. Madanakollu ma jissemma xejn dwar il-fatt li l-istess periklu xorta se jibqa minħabba l-fatt li minflok vetturi privati, issa l-karreġjata ta’ barra se tkun qed tintuża minn karozzi tal-linja.

Minkejja dan, Transport Malta fl-istqarrija tagħha qalet li l-fatt li issa t-traffiku kollu se jkun ġej mill-istess karreġjata (għaliex il-karreġjata tan-naħa ta’ barra se ssir ‘bus-lane) se jnaqqas il-periklu li jeżisti bħalissa.

triq ix-xatt gzira

Ritratt: Triq ix-Xatt, il-Gżira