Appell lill-Whip tal-Gvern juża aktar il-frosta biex Ministri ta’ dan l-akbar Kabinett fl-istorja politika ta’ pajjiżna, jisimgħu u jirrispettaw lill-Oppożizzjoni
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami, ikkritika lill-Gvern fil-Parlament li f’dibattitu importanti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Baġit, ebda Ministru tal-Kabinett tal-Gvern ma kien preżenti fil-Kamra jisma’ lill-Oppożizzjoni.
F’dibattitu li matulu tkellmu deputati tal-Oppożizzjoni fuq ftehim li ntlaħaq bejn il-Whips tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, Beppe Fenech Adami appella lill-Whip tal-Gvern juża aktar il-frosta biex Ministri ta’ dan l-akbar Kabinett fl-istorja politika ta’ pajjiżna, jirrispettaw lill-Oppożizzjoni u jkunu preżenti, jew tal-anqas Ministru wieħed, ikun fil-Kamra jisma’ lill-Oppożizzjoni dwar dak li għandha xi tgħid.
Dak il-ħin, fil-Kamra kien hemm preżenti min-naħa tal-Gvern, id-Deputat Laburista Charles Mangion u l-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia, bil-Whip tal-Gvern jirrimarka li kien hemm ftehim biex illum jitkellmu membri tal-Oppożizzjoni.
Aktar tard, id-Deputat Laburista Charles Mangion informa lill-Kamra li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li ressaq fil-Parlament l-Abbozz ta’ Liġi li kien qed jiġi diskuss dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Baġit, jinsab fi Brussell għal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi.
Beppe Fenech Adami kompla jikkritika l-fatt li ħadd mill-eżekuttiv tal-Gvern dak il-ħin ma kien preżenti, u saħaq li membru wieħed tal-Kabinett tal-Gvern, xi ħadda mill-grupp kbir ta’ Ministri, kellu jkun preżenti jisma’ lill-Oppożizzjoni.
Ix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami rrimarka wkoll li meta qed nitkellmu fuq l-implimentazzjoni tal-Baġit, qed nitkellmu fuq numru kbir ta’ taxxi, numru kbir ta’ tariffi u spejjeż li sal-aħħar tas-sena li għaddiet ma kinux jeżistu.
Quddiem din il-lista twila f’120 paġna ta’ taxxi u piżijiet fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu, Beppe Fenech Adami qal li ebda Ministru ma kien qed jisma’ x’qed tgħid l-Oppożizzjoni b’rabta ma’ dawn it-taxxi.
//= $special ?>