Il-Belt Valletta ġiet ikklassifikata fir-raba’ minn fost l-aħjar 20 destinazzjoni Ewropea, b’riżultat aħjar minn uħud mid-destinazzjonijiet l-iktar popolari bħal Londra, Ruma u Pariġi li spiċċaw bejn il-11 u l-20 post.
Ir-riżultat għall-2015 tħabbar minn European Organisation fi Brussell wara kompetizzjoni ta’ tliet ġimgħat.
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) qalet li dan ir-riżultat għall-belt kapitali Maltija hu titjib sostanzjali mir-riżultati tal-aħħar snin. Fl-2013, il-Belt Valletta kisbet is-7 post waqt li fl-2014 ma kinitx mal-aħjar 20 finalista.
Skont l-MTA, dan juri li l-isforzi qawwija ta’ reklamar dwar il-Belt Valletta bħala destinazzjoni ideali għal btajjel qosra u kulturali, qed iħallu l-frott. L-MTA qalet ukoll li l-kompetizzjoni kompliet tirreklama lill-gżejjer Maltin.
Id-destinazzjoni rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni kienet Bordeaux fi Franza. Din is-sena vvutaw kważi 250,000 persuna u kien hemm kważi 25,000 Share permezz tan-netwerks soċjali. Malta rċeviet iktar minn 21,500 vot flimkien ma’ numru ta’ kummenti pożittivi minn turisti li żaru l-pajjiż u l-Belt Valletta.
//= $special ?>