Lokali Parlament

Il-Gvern ma jawtorizzax lill-Avukat Ġenerali jixhed dwar il-każ John Dalli

Jekk il-Gvern m’għandu xejn x’jaħbi għandu jħalli lill-Avukat Ġenerali jixhed

Il-Gvern ma tax l-awtorizzazzjoni lill-Avukat Ġenerali biex jixhed u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat tal-Privileġġi, li qed jittratta l-Ksur ta’ Privileġġ li l-Prim Ministru qajjem kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar ir-rapport tal-OLAF kontra l-eks-Kummissarju Ewropew, John Dalli.

Il-każ tal-OLAF tratta investigazzjonijiet b’rabta ma’ allegazzjonijiet dwar tixħim u li fihom l-OLAF wasal għal numru ta’ konklużjonijiet dwar irregolaritajiet mill-eks-Kummissarju Ewropew Dalli.

Meta l-Kumitat dwar il-Privileġġi llum kompla jisma’ l-każ, l-Oppożizzjoni sejħet biex jixhed lill-Avukat Ġenerali Peter Grech. Kien f’dan l-istadju li l-membri tal-Gvern oġġezzjonaw bil-qawwa li l-Avukat Ġenerali jixhed quddiem il-Kumitat minħabba dak li sejħet bħala sigriet professjonali fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali.

Mitlub iwieġeb mix-Shadow Minister Chris Said u mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, li kien qed jippresiedi l-Kumitat Parlamentari, jekk hemmx il-permess u jekk il-Gvern hux lest li jeżenta lill-Avukat Ġenerali biex ikun jista’ jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari, id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li n-naħa tal-Gvern mhix qed taqbel u mhix qed tagħti l-awtorizzazzjoni.

Kien l-Avukat Ġenerali l-Avukat Peter Grech li hekk kif deher quddiem il-Kumitat Parlamentari, talab l-eżenzjoni mis-sigriet professjonali. F’dan l-istadju l-Gvern mill-ewwel iddikjara li l-Avukat Ġenerali għandu jkun eżenti mill-proċeduri tal-Kumitat.

Quddiem din il-pożizzjoni li ħa l-Avukat Ġenerali, Chris Said filwaqt li qal li jaqbel mal-pożizzjoni tal-Avukat Ġeneral Peter Grech bħala Avukat tal-Gvern, qal li hu minnu li f’dak il-każ għandu jitlob l-eżenzjoni, iżda saħaq li dwar dan il-każ li qed jiġi trattat quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi, dan ma japplikax.

Chris Said talab lill-Avukat Ġeneral jispjega d-dual role li għandu skont il-liġi ta’ pajjiżna. Spjega u elenka d-differenza tar-rwol tal-Avukat Ġenerali f’każ ta’ proċeduri kriminali meta l-Avukat Ġenerali jaħdem id f’id mal-Pulizija u li jkun hu wkoll il-prosekutur; u r-rwol bħala Avukat tal-Gvern.

F’dan l-istadju, l-Ispeaker Anġlu Farrugia staqsa lill-Avukat Ġenerali Peter Grech jekk iħossx li jista’ jixhed. L-Avukat Ġenerali qal li fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, ma jistax.

Hekk kif id-Deputat Viċi Prim Ministru baqa’ jsostni li l-Gvern mhux qed jaqbel li għandu jixhed l-Avukat Ġenerali, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa lill-Gvern għaliex dan il-biża’ kollu biex jixhed l-Avukat Ġenerali, u saħaq li jekk m’hemmx biża’, il-Gvern għandu jawtorixxa lill-Avukat Peter Grech biex jixhed quddiem dan il-Kumitat.

Wara li l-Ispeaker talab lill-Avukat Ġenerali jwieġeb dak li jkun jista’ jwieġeb, u jekk le, jinfurmah li ma jistax iwieġeb, Chris Said qal li se jibda l-ewwel jistaqsi kif wasal għand l-Avukat Ġenerali r-rapport bl-investigazzjonijiet tal-OLAF dwar l-allegazzjonijiet li kien hemm fil-konfront ta’ John Dalli bħala Kummissarju Ewropew. Spjega wkoll li wara, naraw jekk l-investigaturi li talbu l-parir tal-Avukat Ġenerali, jagħtux il-permess u l-awtorizzazzjoni lill-Avukat Peter Grech biex jixhed.

Quddiem il-battibekki li komplew bejn il-membri tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, bl-Oppożizzjoni ttenni l-appell lill-Gvern biex jekk m’għandu xejn x’jaħbi jħalli lill-Avukat Ġenerali jixhed fil-każ li qed jittratta l-Kumitat dwar il-Privileġġi b’rabta mal-investigazzjonijiet kontra John Dalli, l-Ispeaker qal li s-Sedja se tagħti l-ġurament lil Peter Grech, u għad-domandi li jsirulu jgħid jekk jirrispondix jew le, u jekk le għaliex.

Għall-ewwel mistoqsija tal-Oppożizzjoni, l-Avukat Ġenerali qal li hu fatt pubbliku li hu, bħala Avukat Ġenerali, irċieva rapport mill-Olaf dwar il-każ li kien qed jiġi investigat kontra John Dalli.

Mistoqsi jekk l-OLAF hux klijent tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fisser li bħala parti mis-set-up tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF għandu dritt jibgħat rapport lilu.

L-Avukat Peter Grech qal li ma jaħsibx li kien infurmat bl-investigazzjonijiet kontra Dalli qabel ma wasal għandu r-rapport. Ir-rapport tal-OLAF wasal għandu minn żewġ persuni barranin, ċertu Caro Romero u Potenza. Dan kien fid-19 ta’ Ottubru 2012.

Spjega wkoll għal aktar mistoqsijiet, li r-rapport bl-investigazzjonijiet tal-OLAF kontra John Dalli, rah flimkien ma’ avukati oħrajn u fit-22 ta’ Ottubru 2012 bagħtu lill-Kummissarju tal-Pulizija għal aktar investigazzjoni.

L-Avukat Peter Grech kompla jelabora u qal li fit-22 ta’ Ottubru kiteb ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF, u qal ukoll li dan waħdu mhux biżżejjed u li jeħtieġ li jsiru l-investigazzjonijiet mill-Pulizija.

Mitlub minn Chris Said jippreżenta lill-Kumitat Parlamentari l-ittra li kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali qal li filwaqt li hu m’għandux oġezzjoni li jagħmel dan, talab direzzjoni mis-Sedja dwar jekk jistax jippubblika dan id-dokument minħabba li kienet ittra interna.

L-Avukat Ġenerali qal ukoll li biex ikompli jixhed dwar dan u dwar meta reġa’ kien involut fil-każ wara li bagħat l-ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija, għandu bżonn l-awtorizzazzjoni.

Mistoqsi mill-Ispeaker min hu r-rappreżentant tal-Kummissarju tal-Puliizja fil-Kumitat Parlamentari, l-Avukat Ġenerali qal li għandu jkollu l-awtorizzazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizja u tal-Ministru responsabbli mill-Pulizija.

Għal din id-dikjarazzjoni, Chris Said staqsa jekk hux qed jgħid li biex l-Avukat Ġenerali jixhed fuq pariri li ta hu fuq każ ta’ natura kriminali, iridx l-awtorizzazzjoni tal-Ministru. Talab lill-Avukat Peter Grech jgħid ċar ta’ min irid l-awtorizzazzjoni, biex il-Kumitat jara jekk din hix se tingħata.

Chris Said spjega lill-Kumitat, li x-xhieda tal-Avukat Ġenerali hi importanti għaliex fil-media kienu rappurtati żewġ verżjonijiet konfliġġenti tal-Avukat Ġenerali, u li f’dan il-Kumitat l-Oppożizzjoni trid li jkun stabbilit liema hi l-verżjoni t-tajba.

Fis-seduta tal-lum tal-Kumitat dwar il-Privileġġi, kienet imsejħa tixhed ukoll id-Deputat Avukat Ġenerali, Donatello Frendo Dimech.

L-Ispeaker hu mistenni li jagħti ruling dwar l-issues li tqajmu waqt ix-xhieda tal-Avukat Ġenerali Peter Grech dwar id-dual role tal-Avukat Ġenerali u jekk treġi t-teżi li qed jisħaq dwarha l-Gvern, min irid jagħti l-eżenzjoni lill-Avukat Ġenerali mis-sigriet professjonali, u jħalli lill-Avukat Peter Grech jixhed fil-każ dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija Maltija kontra John Dalli wara r-rapport li rċieva mingħand l-Uffiċċju tal-UE Kontra l-Frodi, l-OLAF.