Informazzjoni maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li fl-aħħar xhur in-numru ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku komplew jiżdiedu.
F’Settembru biss, in-numru ta’ ħaddiema tal-Gvern żdiedu bi 300, għal total ta’ 44,361 ruħ. Dan ifisser żieda ta’ 2,471 fuq it-total ta’ ħaddiema mas-settur pubbliku f’Settembru 2013.
B’kollox, l-impjiegi mal-Gvern żdiedu b’3,468 bejn Settembru 2012 u Settembru 2014, jiġifieri żieda ta’ 8.4%.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din iż-żieda qed tkompli żżid l-infieq tal-Gvern, b’żieda ta’ madwar €57 miljun bejn l-2013 u l-2015, jiġifieri b’kollox żieda ta’ 9%.
Il-Partit Nazzjonalista qal li n-numru ta’ persuni ngaġġati mas-settur pubbliku huwa ferm ikbar minn dak li turi l-istatistika minħabba li, kull sena, madwar elf u ħames mitt persuna jirtiraw jew iħallu s-settur pubbliku.
Qabel l-2013, in-numru ta’ ħaddiema mas-settur kien qed jonqos bil-mod u b’rata kostanti, minħabba xogħol ġdid li kien qed jinħoloq fis-settur pubbliku.
L-Oppożizzjoni esprimiet ukoll tħassib fiż-żieda ta’ persuni li qed jaħdmu xogħol part-time minflok wieħed full-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom. Dan ma jawgurax tajjeb għas-sostennibilita’ ekonomika.
Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li ċertu partijiet mis-settur pubbliku jistgħu jgawdu minn żieda fir-riżorsi umani, biss il-Partit Nazzjonalista jagħraf ukoll li l-Gvern mhux qed jimpjega persuni f’dawn is-setturi biss.
L-istorja ta’ xufier li spiċċa ġie appuntat Chairman part-time tkompli tpoġġi dawl fuq il-mod kif il-Gvern jittratta l-impjiegi fis-settur pubbliku.
L-Oppożizzjoni għalhekk qed tistaqsi jekk il-Gvern hux qed iżomm kont dwar iż-żieda fis-settur pubbliku, b’appell ċar lil Ministru tal-Finanzi biex ma jabdikax mill-irwol tiegħu li jieħu ħsieb li l-ispiża tal-Gvern tibqa’ taħt kontroll.
//= $special ?>